Tuesday, November 26, 2024

Titnieda l-kampanja annwali ta’ Transport Malta biex tippromwovi s-sigurtà fuq il-Baħar

Aqra wkoll

Ġiet imnedija l-kampanja annwali ta’ Transport Malta mmirata biex tippromwovi s-sigurtà u r-responsabbiltà fuq il-baħar. Din is-sena, it-tema tal-kampanja se tkun “Ingawdu l-baħar b’responsabbiltà.” It-tnedija tal-kampanja ġiet imħabbra mill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Aaron Farrugia u l-Kap Eżekuttiv ta’ Transport Malta Jonathan Borg.

Hekk kif l-istaġun tas-sajf f’Malta jġib miegħu żieda fl-attivitajiet mal-baħar, huwa kruċjali li kulħadd igawdi l-baħar b’mod responsabbli mingħajr ma jipperikola lilu nnifsu jew lil ħaddieħor. Il-kampanja ta’ din is-sena se tiffoka fuq kif għandna nevitaw l-inċidenti, fuq is-sostenibbiltà, u r-responsabbiltà ta’ dawk li jużaw id-dgħajjes u dawk li jgħumu biex niżguraw esperjenza sigura u pjaċevoli għal kulħadd.

Il-Ministru Farrugia tenna l-importanza li Transport Malta tkompli tinvesti fl-irwol edukattiv tagħha. Huwa tenna kif bħala r-regolatur tat-trasport fil-pajjiż, l-avviżi tagħha jġorru piż kbir fuq dawk li jagħmlu użu minn kwalunkwe mezz ta’ trasport. Huwa spjega wkoll li r-responsabbiltà fl-ibħra tagħna mhix biss ta’ dawk li jkunu qed isuqu xi opra tal-baħar, imma wkoll ta’ dawk li jkunu qed jgħumu. “Pajjiżna għandu fost l-isbaħ bajjiet fil-Mediterran li jiġbdu lejhom numru konsiderevoli ta’ nies, kemm lokali u turisti. Jeħtieġ li kulħadd jagħmel sforz biex ikun attent u jħares ir-responsabbiltajiet tiegħu. Ħafna mill-inċidenti li jsiru jistgħu jiġu evitati. Dan hu l-iskop ta’ kampanji ta’ din in-natura; li nqajmu kuxjenza”, stqarr il-Ministru Farrugia.

Minn naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv Borg tenna l-fatt li tul ix-xhur tas-sajf, Transport Malta se tkompli għaddejja bi spezzjonijiet ta’ kuljum. “Transport Malta, bħal kull sajf ieħor, se tkun qed tintensifika l-isforzi tagħha tul ix-xhur tas-sajf fuq l-ibħra tagħna. Dan hekk kif pajjiżna, naturalment, jara żieda f’dawk li jżuru l-bajjiet tagħna u fl-opri tal-baħar”, ikkonkluda Borg.

Din il-kampanja bdiet f’Ġunju u tkompli matul l-istaġun tas-sajf sa Settembru. Matul dan il-perjodu, se jiġu organizzati diversi inizjattivi, avvenimenti u programmi edukattivi biex jinvolvu lill-pubbliku biex tingħata viżibiltà s-sigurtà fuq il-baħar.

Sar appell lil dawk li jbaħħru, l-għaddasa u l-għawwiema kollha biex jipparteċipaw b’mod attiv fil-kampanja billi jiffamiljarizzaw ruħhom mal-linji gwida tas-sikurezza, jadottaw prattiki sostenibbli u jirrispettaw l-ekosistema tal-baħar. Waqt li naħdmu flimkien, nistgħu niżguraw is-sigurtà ta’ kull min igawdi mill-ibħra sbieħ tal-kosta Maltija u Għawdxija.

Sport