Monday, October 28, 2024

Titnieda l-konsultazzjoni pubblika dwar l-Istrateġija Nazzjonali tal-Ikel

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo, flimkien mas-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali Alicia Bugeja Said, nedew għall-konsultazzjoni pubblika l-Istrateġija Nazzjonali dwar l-Ikel.

Din l-istrateġija għandha l-għan li twassal biex il-katina tal-ikel f’pajjiżna tkun waħda reżiljenti u anke sostenibbli.  L-istrateġija tagħti importanza lill-elementi essenzjali tas-sistema tal-ikel. Infatti, l-ewwel pilastru jipprijoritizza l-vijabilità u l-importanza tas-setturi tal-biedja u l-akwakultura. It-tieni pilastru jindirizza l-fatt li Malta tiddependi fuq l-importazzjoni tal-ikel, iżda li għandu jkun hemm iktar pjanijiet ta kontinġenza, fejn iħarsu lejn innovazzjoni teknoloġika fl-ikel, aktar investiment fir-riservi tal-ikel u jissaħħu l-arranġamenti ma’ pajjiżi oħra. Finalment it-tielet u l-aħħar pilastru tal-istrateġija, jitkellem rigward il-ħtieġa li napprezzaw u nkunu kburin bl-ikel lokali u nkunu aktar konxji dwar l-għażliet tagħna.

Il-Ministru Anton Refalo stqarr li, “Din l-istrateġija inklussiva tolqot l-atturi kollha tal-katina tal-ikel tagħna. Katina li rriduha twassal għal prodott finali aħjar, li jġib iktar valur miżjud fil-ħoloq kollha tal-katina. Valur miżjud ifisser li nkunu kburin bil-prodott Malti li qegħdin nipproduċu u li nkunu qegħdin nieklu prodott iktar bnin u ta’ kwalità, għalhekk aħjar għal saħħitna.”

Huwa kompla li din l-istrateġija se tkun qed twassal għal ġejjieni aħjar għal dan is-settur, inkluż bit-twettiq tal-proġett tant importanti tal-Food Innovation Hub li se jkompli jsaħħaħ l-innovazzjoni, l-esperimentazzjoni u fuq kollox is-sostenibbiltà tal-ikel. “Għandna r-rieda politika li nkomplu nimplimentaw inizjattivi bħal dawn li jwasslu għall-futur aħjar għal dan is-settur,” temm jgħid il-ministru.

Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said tkellmet dwar l-importanza tal-prodott lokali, b’referenza għas-sajd li jsir f’pajjiżna. Hija sostniet kemm il-konsum ta’ ħut lokali huwa baxx, għalkemm huwa magħruf il-benefiċċju tiegħu għas-saħħa tal-bniedem. “Irridu noħolqu aktar kuxjenza sabiex il-ħut lokali jiġi kkunsmat aktar milli qiegħed preżentament. L-għarfien f’dan ir-rigward huwa essenzjali f’kull faxxa ta’ età,” kompliet tgħid Alicia Bugeja Said.

Hija qalet li l-gvern diġà adotta diversi miżuri, fosthom sussidji diretti lis-sajjieda sabiex il-prezz jibqa’ wieħed stabbli għall-konsumatur, minkejja l-isfidi li kellna fl-aħħar snin u sostniet li se jibqgħu jkunu ta’ sostenn fejn meħtieġ.

Is-segretarju parlamentari temmet id-diskors tagħha billi qalet kif din l-istrateġija se sservi sabiex ikun hemm viżjoni futura fejn jidħol l-ikel f’pajjiżna, bix-xewqa li propju fil-jum li fih id-dinja tiċċelebra l-ikel, jiġi utilizzat aktar ħut żgħir, li ħafna drabi jkun mibjugħ bix-xejn jew jinħela, biex b’hekk innaqqsu l-iskart tal-ikel tant sustanzjuż.

Min-naħa tagħha, Sonya Sammut, id-Direttur għas-Sistemi tal-Ikel, semmiet il-ħidma li qed issir fir-rigward tal-katina tal-ikel. Qalet kif pajjiżna għandu ftehim ta’ kummerċ kemm ma’ bdiewa fl-Unjoni Ewropeja, kif ukoll f’pajjiżi terżi. Hija semmiet ukoll il-bżonn li jkompli jiġi salvagwardjat l-ambjent u li wieħed janalizza l-bżonnijiet u l-għażliet tal-konsumatur sabiex verament ikun hemm futur sostenibbli għal dan is-settur. “Jekk nikkollaboraw, iċ-ċokon tagħna ma jibqax żvantaġġ u naraw il-bidla mixtieqa,” temmet is-Sa Sammut.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport