Thursday, February 26, 2026

Titnieda l-Politika Nazzjonali dwar l-Alkoħol

Aqra wkoll

Il-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal nieda l-Politika Nazzjonali dwar l-Alkoħol, dokument b’viżjoni ta’ ħames snin. Din il-politika ġiet imġedda sabiex tirrifletti l-isfidi u l-azzjonijiet neċessarja sabiex jiġi indirizzat il-konsum tal-alkoħol.

L-għan ewlieni huwa li jkunu minimizzati l-effetti ħżiena marbuta mal-konsum tal-alkoħol fuq is-saħħa u l-imġiba tal-individwu. Dan id-dokument iħares li jsaħħaħ il-benesseri tal-persuna milquta mill-alkoħol u fl-istess waqt qed tinkorpora lill-familjari wkoll. Fuq kollox qed naraw illi nkomplu nsaħħu l-prevenzjoni kontra l-vizzji mhux biss tad-droga iżda anke tax-xorb.

Dawn id-dettalji tħabbru mill-Ministru għall-Politika Soċjali u Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon fejn tkellem dwar is-suġġett minn aspett lokali, fejn l-istatistika turi realtajiet f’pajjiżna dwar il-konsum tal-alkoħol. “Ir-realtà f’pajjiżna m’għandhiex iżommna milli nkomplu nqajmu kuxjenza dwar l-effetti ħżiena tal-abbuż mill-alkoħol,” qal il-Ministru Michael Falzon.

Dr Falzon tenna li numru ta’ miżuri f’din il-politika huma intiżi biex inaqqsu l-użu ħażin tal-alkoħol, u huma immirati lejn l-aċċessibilità, kif ukoll lejn l-impatt fuq is-saħħa tal-bniedem.

Min-naħa tiegħu, iċ-Chairperson tan-National Addictions Advisory Board, il-Professur Richard Muscat spjega fid-dettall l-azzjonijiet li joħorġu minn din il-politika nazzjonali. Huwa spjega l-istatistika li turi li l-konsum tal-alkoħol jibda minn età żgħira u għaldaqstant irid ikun hemm regoli ċari dwar ir-reklamar ta’ alkoħol fuq pjattaformi fejn hemm minuri u adolexxenti.

Din il-politika għandha l-għan illi tnaqqas dawk l-ambjenti li ħafna drabi jkunu l-aktar esposti għax-xorb u anke sustanzi illeċiti oħra. Din il-policy qed tipproponi wkoll li jiġu provduti interventi għal dawk il-persuni li jiżviluppaw Alcohol Use Disorder.

It-tielet sett t’azzjonijiet jipproponi l-bżonn li jkun hemm sistema rigoruża li tiġbor l-informazzjoni kollha b’rabta mal-użu tal-alkoħol f’Malta, filwaqt li hemm proposta li jitwaqqaf monitoring body li jgħaqqad flimkien is-setturi kollha fil-komunità, sabiex l-implimentazzjoni ta’ dawn l-azzjonijiet issir b’mod effettiv.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport