Saturday, December 21, 2024

Titnieda l-wirja ‘Ir-Repubblika ta’ Malta: L-Ewwel Ħamsin Sena, 1974-2024’

Aqra wkoll

Tnediet il-wirja bl-isem ‘Ir-Repubblika ta’ Malta: L-Ewwel Ħamsin Sena, 1974-2024’, fil-Palazz tal-Gran Mastru fil-Belt Valletta, li tfakkar il-ħames deċenji tal-vjaġġ tan-nazzjon bħala Repubblika. Il-wirja se tibqa’ għaddejja sa Marzu li ġej.

Ospitata fl-Uċċelliera tal-Palazz – li qabel kienet l-ispazju fejn il-gran mastri żammew għasafar eżotiċi għad-divertiment tagħhom, u llum b’mod xieraq hija sala ddedikata lir-Repubblika ta’ Malta, il-wirja fiha kollezzjoni rikka ta’ dokumenti, artifatti, u wirjiet multimedjali li jesploraw it-tħabit ta’ Malta għall-awtodeterminazzjoni – b’evoluzzjoni minn poplu mmexxi minn potenzi barranin għal poplu b’rajh f’idejh, u l-kisbiet ta’ Malta bħala stat sovran.

Din il-wirja mumentuża ġiet inawgurata waqt ċerimonja uffiċjali, b’mistednin distinti fosthom mexxejja nazzjonali u rappreżentanti ta’ Heritage Malta. Il-wirja tenfasizza wkoll l-irwol ċentrali tal-Presidenza fil-ħarsien tad-demokrazija u fit-trawwim tal-għaqda.

Fid-diskors tagħha, il-President tar-Repubblika Myriam Spiteri Debono fissret ir-Repubblika bħala “simbolu ta’ ġens u poplu li fih qed iġorr id-dehen li akkumulaw missirijietna tul sekli sħaħ”.

Waqt li qalet li din il-wirja tagħmel ġieħ lill-Maltin bħala ġens, il-President aċċennat l-importanza ta’ iktar edukazzjoni ċivika biex fit-tfal “jitnissel apprezzament qawwi ta’ xi tfisser li pajjiżek ikun Repubblika, li jkun ta’ niesek u li f’pajjiżek tagħżel int min imexxik u kif tmexxih ’il quddiem”.

Il-Prim Ministru Robert Abela fisser il-kisba kostituzzjonali tar-Repubblika bħala parti mill-qofol ta’ dik li hi Malta. Hu u jikkwota mill-ogħla liġi ta’ pajjiżna, il-Kostituzzjoni, Dr Abela sostna li Malta hija Repubblika demokratika bbażata fuq ix-xogħol u fuq ir-rispett għad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-individwu. Qal li l-President tar-Repubblika ta’ Malta jirrappreżenta l-għaqda nazzjonali. “Pajjiżna rnexxielu jagħmel kisbiet kbar meta kien magħqud”, saħaq il-Prim Ministru hu u jinnota riformi kbar li twettqu mill-Gvern fl-aħħar snin fosthom dwar kif jinħatar il-Kap tal-Istat Malti. Il-Prim Ministru żied jgħid li ħamsin sena ilu konna għadna bin-nefqa tal-Gvern Ingliż fil-bażi militari li kellu f’pajjiżna. Issa rridu mmorru għall-pass li jmiss, dak li nagħmlu qabża ta’ kwalità fl-aqwa opportunitajiet li nistgħu noħolqu, partikolarment għaż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin. Huwa temm l-indirizz tiegħu dwar l-importanza meħtieġa tal-ħarsien tal-identità tagħna u rrimarka għall-ħidma importanti li twettaq Heritage Malta li tfakkar il-kisbiet u l-istorja tal-poplu Malti u Għawdxi.

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici rrimarka kif qed infakkru 50 sena minn meta Malta saret Repubblika, mument storiku fejn il-poplu Malti kiseb l-awtonomija sħiħa fuq id-destin tiegħu. “Dawn il-ħamsin sena mmarkaw vjaġġ ta’ kisbiet kbar għall-pajjiż, mibnija fuq il-vizjoni ta’ tmexxija b’saħħitha u r-reżiljenza tal-Maltin u l-Għawdxin”, sostna Dr Bonnici. Il-Ministru Bonnici qal, “Dan il-mument storiku kien parti minn sensiela ta’ avvenimenti ewlenin: l-Indipendenza, ir-Repubblika, il-Ħelsien, u l- Unjoni Ewropea. Kull wieħed minn dawn il-passi kien ir-riżultat ta’ ħidma kollettiva u sagrifiċċju.” “Filwaqt li nħarsu lejn dawn il-ħamsin sena bi kburija, huwa dmirna li nkomplu nibnu fuq dan il-wirt sabiex nagħtu futur aħjar lil uliedna, grazzi mill-qalb lil kull min ħadem biex dan il-vjaġġ ikun suċċess”, temm jgħid il-Ministru Bonnici.

Mario Cutajar, Chairman ta’ Heritage Malta, saħaq li, “Din ir-repubblika ċkejkna hija waħda bbażata fuq ix-xogħol, u x-xogħol isir min-nies. Dan l-anniversarju għandu jkun ċelebrazzjoni tal-Maltin, li matul dawn il-50 sena biddilna pajjiżna. Din il-wirja tagħti ġieħ lill-Maltin ta’ kull żmien li żammew tnemnem il-ħeġġa biex pajjiżna jkollu rajh f’idejh u li ħolmu l-pajjiż li għandna llum. Hija togħma ċkejkna tal-mod ieħor kif għandha tiġi rrakkuntata l-istorja tagħna, lil hinn mill-prinċpijiet u l-irġejjen”.

Noel Zammit, il-Kap Eżekuttiv ta; Heritage Malta, irrimarka, “Din il-wirja toffri ħarsa profonda lejn ir-reżiljenza u d-determinazzjoni ta l-poplu Malti. Isservi bħala tfakkira tal-istorja u l-aspirazzjonijiet komuni tagħna filwaqt li tonora l-viżjoni u l-għaqda li jkomplu jsawru n-nazzjon tagħna. Aħna kburin li qed nippreżentaw din l-esperjenza immersiva li tgħaqqad liċ-ċittadini mal-għeruq tad-demokrazija tagħna u l-mumenti kruċjali li jiddefinixxu lil Malta llum.”

Ktieb komplementari, bilingwi u illustrat huwa disponibbli wkoll għax-xiri. Id-dħul għall-wirja huwa inkluż fl-esperjenza tal-Palazz tal-Gran Mastru, li huwa kompletament aċċessibbli għal persuni bi sfidi ta’ mobilità.

Għal aktar informazzjoni tista’ żżur www.heritagemalta.mt, issegwi l-mezzi tal-midja soċjali ta’ Heritage Malta, jew tikkuntattja lil Heritage Malta fuq: (+356) 2295 4300.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport