Saturday, May 24, 2025

Titnieda pjattaforma diġitali ġdida biex tippromwovi l-avvenimenti kulturali f’Malta u f’Għawdex

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici, f’kollaborazzjoni ma’ inkontru.app, nieda uffiċjalment kalendarjukulturali.gov.mt – pjattaforma diġitali ġdida li għandha l-għan li tippromwovi u tagħti viżibilità akbar lill-avvenimenti kulturali li jsiru madwar Malta u Għawdex.

Din l-inizjattiva tfisser pass importanti biex il-kultura f’pajjiżna ssir aktar aċċessibbli għall-pubbliku. kalendarjukulturali.gov.mt ser iservi bħala kalendarju li jiġbor fih il-programmi u l-attivitajiet kollha organizzati mill-Organizzazzjonijiet Kulturali Pubbliċi (PCOs), fosthom kunċerti, żfin, teatru, wirjiet tal-arti viżiva, festivals, ċinema u ħafna aktar.

“Illum f’Malta u Għawdex jittellgħu mijiet ta’ avvenimenti ta’ livell internazzjonali matul is-sena kollha. Permezz ta’ din il-pjattaforma, qed nagħtu spazju ġdid u modern biex dawn l-avvenimenti jilħqu udjenza iktar wiesgħa, filwaqt li nkomplu nsaħħu l-identità kulturali ta’ pajjiżna,” sostna l-Ministru Bonnici. Huwa temm billi rringrazzja  lill-Organizzazzjonijiet Kulturali Pubbliċi, l-artisti u t-timijiet professjonali li jaħdmu minn wara l-kwinti, għax-xogħol kontinwu tagħhom.

Sarah-Lee Zammit, Ko-Fundatriċi ta’ inkontru.app, qalet: “inkontru.app kienet mibnija fuq riċerka estensiva dwar kif il-pubbliku Malti jinteraġixxi mal-kultura. B’dan l-għarfien, ħloqna pjattaforma li tgħin lill-artisti u lill-organizzaturi jippromwovu aħjar il-ħidma tagħhom, filwaqt li nrawmu impenn akbar mill-udjenza.”

Għal aktar tagħrif u biex tiskopri x’hemm ġej, żur: www.kalendarjukulturali.gov.mt.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport