Ġiet imnedija skema mmirata lejn is-sajjieda, ‘Modernizzar ta’ Magni tal-Bastimenti tas-Sajd’, liema skema hija kofinanzjata mill-Fond Ewropew Marittimu, tas-Sajd u tal-Akwakultura (FEMSA) u qed issir b’kollaborazzjoni ma’ Servizzi Ewropej f’Malta (SEM). Din l-iskema tnediet mill-Ministru għall-Fondi Ewropej u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali Stefan Zrinzo Azzopardi u mis-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali, Alicia Bugeja Said.
Permezz ta’ din l-iskema, is-sajjieda jistgħu jibbenefikaw minn għajnuna finanzjarja biex jibdlu jew jimmodernizzaw il-magni tal-bastimenti tas-sajd tagħhom.
Il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi tenna l-impenn tal-Gvern li jkompli jappoġġja lis-settur tas-sajd b’miżuri effettivi u fondi Ewropej fejn tassew hu meħtieġ. Huwa saħaq fuq l-importanza tal-Programm FEMSA biex tissaħħaħ il-kompetittività u s-sostenibbiltà tas-settur tas-sajd. Il-Ministru rringrazzja wkoll lill-entitajiet kollha involuti fl-implimentazzjoni ta’ din l-iskema, b’mod partikolari lil SEM għall-appoġġ kontinwu tagħhom lis-sajjieda u dawk kollha li japplikaw għad-diversi programmi ta’ Fondi Ewropej.
Is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said sostniet kif din l-iskema hija eżempju ċar ta’ kif il-Gvern qed jaħdem lejn il-Viżjoni Malta 2050, viżjoni li tqiegħed is-sostenibbiltà, l-innovazzjoni u l-protezzjoni ambjentali fiċ-ċentru tal-iżvilupp ekonomiku tal-pajjiż. “Billi nappoġġjaw lis-sajjieda sabiex jibdlu l-magni antiki b’apparat aktar modern u effiċjenti, mhux biss qed intejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom, imma wkoll qed inħarsu l-baħar tagħna u nsaħħu l-futur tal-ekonomija marittima ta’ Malta.”
Min-naħa tiegħu, Rodrick Zerafa, Kap Eżekuttiv ta’ SEM tkellem dwar il-kriterji li s-sajjieda reġistrati jridu jissodisfaw biex ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-iskema tal-bdil jew it-titjib tal-magni tal-bastimenti. Il-kriterji jinkludu r-reġistrazzjoni fir-Reġistru tal-Flotta tal-UE għal mill-inqas ħames snin, is-saħħa tal-magna u l-ammont ta’ tnaqqis fl-emissjonijiet, it-tip ta’ sajd li jsir bil-bastiment u ġranet tas-sajd reġistrati.
“Fil-ġimgħat li ġejjin, se nkunu qegħdin nassistu lis-sajjieda biex japplikaw u nikkoordinaw sessjonijiet ta’ informazzjoni biex is-sajjieda jkunu jafu aħjar il-kriterji ta’ din is-sejħa. Se nkunu qegħdin immorru viċin is-sajjieda, biex nagħmluhielhom aktar faċli jattendu u jistaqsu l-mistoqsijiet li jkollhom,” stqarr is-Sur Zerafa.
Bħalma sar fi skemi oħrajn, SEM se tkun qed torganizza laqgħat ta’ informazzjoni lis-sajjieda sabiex japplikaw għal din l-iskema ta’ fondi Ewropej u toffri wkoll assistenza fil-fażi tal-implimentazzjoni tal-proġett. Is-sessjonijiet ta’ informazzjoni se jsiru f’Għawdex fil-21 ta’ Lulju, f’Marsaxlokk fit-22 ta’ Lulju u f’San Pawl il-Baħar fit-23 ta’ Lulju. Id-dettalji dwar dawn il-laqgħat u biex wieħed jirreġistra jinsabu hawn: https://sem.gov.mt/events.