Tnediet it-22 edizzjoni tal-Istrina BOV Piggy Bank Campaign, b’risq il-Malta Community Chest Fund.
F’messaġġ li għaddiet matul konferenza tal-aħbarijiet fil-Palazz ta’ San’Anton, l-E.T. Myriam Spiteri Debono, President ta’ Malta, raddet ħajr lill-edukaturi u lill-istudenti kollha ta’ Malta u Għawdex li permezz ta’ din il-kampanja, ta’ kull sena jgħinu lill-Malta Community Chest Fund u lil dawk li jiġu bżonnha.
Filwaqt li rringrazzjat lil kull min jikkopera sabiex din l-attività tkun ta’ suċċess, il-President qalet illi f’attivitajiet bħal dawn, “Tibda tara u tmiss b’idejk, l-għaqda illi l-Malta Community Chest Fund hija għodda biex tiġbor lil kulħadd, lill-poplu Malti u Għawdxi kollu.”
Il-President irringrazzjat b’mod speċjali lil Bank of Valletta li jikkordina din l-attività mal-Malta Community Chest Fund u jgħin b’tim ta’ volontarjat. Irringrazzjat ukoll lill-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima u l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Edukazzjoni Justin Schembri.
Il-Ministru Clifton Grima qal li din il-kampanja tgħin lit-tfal jikbru b’sens ta’ solidarjetà u ħsieb, u tkompli ssaħħaħ il-valur tal-edukazzjoni li tgħallem bil-qalb, mhux biss bil-kotba.
Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Edukazzjoni Justin Schembri tenna kif mumenti bħal dawn juru kif is-soċjetà Maltija hija mogħnija b’valuri tajbin u għalhekk ħeġġeġ lill-edukaturi kollha sabiex jimbuttaw ’il quddiem din l-inizjattiva.
Is-Sur Charles Azzopardi, mill-Bank of Valletta tenna li din il-kampanja hija ħafna aktar minn inizjattiva ta’ ġbir ta’ fondi, iżda hija dwar inrawmu l-ġenerazzjoni li jmiss biex tipparteċipa fl-iffurmar ta’ Malta aktar ħanina u inklussiva. Huwa tenna li permezz ta’ din il-kampanja, it-tfal jitgħallmu li l-azzjonijiet tagħhom — ikunu kemm ikunu żgħar — jistgħu jġibu bidla reali.
Mit-Tlieta, 14 ta’ Ottubru 2025, il-President ta’ Malta se żżur aktar minn għoxrin skola tal-Gvern, tal-Knisja kif ukoll privati madwar Malta u Għawdex, kemm tal-primarja u tas-sekondarja, fejn tiltaqa’ mat-tfal u fl-istess ħin twassal il-messaġġ tagħha b’risq din il-kampanja.