Saturday, December 21, 2024

Titnieda t-tielet edizzjoni tal-Konferenza Nazzjonali dwar ‘L-Istat tan-Nazzjon’

Aqra wkoll

Il-President ta’ Malta George Vella nieda t-tielet edizzjoni tal-Istħarriġ u l-Konferenza Nazzjonali dwar ‘L-Istat tan-Nazzjon’, li se ssir fit-2 ta’ Ġunju 2023 fil-Palazz Verdala.

Il-President Vella nnota li t-temi maħsuba għall-konferenza ta’ din is-sena kollha jmissu liċ-ċittadin b’mod dirett fil-ħajja ta’ kuljum. Dawn jinkludu l-familja, il-media u l-isfidi ġodda li qed iġibu fis-soċjetà, it-tradizzjonijiet kulturali u reliġjużi, id-drittijiet u l-ugwaljanza. Il-President qal li għal darb’oħra se jingħata kull spazju biex l-individwu jgħidha kif iħossha, bla tidwir ta’ kliem fuq temi li kultant jafu jkunu wkoll xi ftit skomdi. “Naħseb li din l-ispontanjetà hija fattur li ddetermina s-suċċess ta’ ‘L-Istat tan-Nazzjon’ u ninsab żgur li anke din is-sena se joħorġu spunti u elementi ta’ interess,” stqarr il-President Vella. Irrimarka li jkun interessanti ferm naraw jekk hux se jkun hemm xi ċaqliq u f’liema direzzjoni, anke minħabba d-dinamiżmu kontinwu fil-komunità tagħna, l-iżviluppi soċjoekonomiċi, il-preżenza ta’ barranin fostna, u t-taqlib internazzjonali li għaddejjin minnu bħalissa.

Il-President Vella radd ħajr lill-Konsulent fil-Komunikazzjoni Strateġika, Lou Bondì, u l-Istatistiku u Lettur fl-Università ta’ Malta, Vincent Marmarà, għall-ħidma, id-determinazzjoni u l-enerġija tagħhom.

Fit-tnedija, Dr Marmarà spjega li l-informazzjoni diġà bdiet tinġabar minn fost kampjun ta’ 1,064 persuna minn 16-il sena ’l fuq. Qal li l-interess prinċipali mhux li jsiru magħrufa l-opinjonijiet fuq ħaġa partikolari jew avvenimenti differenti, iżda li wieħed iħares aktar fil-fond lejn dak li jista’ jwassal għall-formazzjoni tal-prinċipju u l-opinjoni tal-poplu. “Din is-sena se jkollna l-opportunità li nqabblu l-aħħar tliet snin, u dan se jibda jagħti viżibilità aħjar dwar kif qed jinbidlu ċerti temi importanti fost il-poplu. Id-diskussjoni mhux se tibda qabel inkunu smajna x’qed jgħid il-poplu. B’hekk niggarantixxu li nżommu lill-poplu fiċ-ċentru tad-diskussjoni,” temm jgħid Dr Marmarà.

Is-Sur Bondì nnota li din il-konferenza saret punt ta’ referenza fid-dibattitu nazzjonali dwar min aħna bħala Maltin u Għawdxin. Qal li għal darb’oħra l-kelliema se jkunu ġejjin minn oqsma differenti: akkademiċi, politiċi, imprendituri, membri ta’ organizzazzjonijiet mhux governattivi, u oħrajn. Is-Sur Bondì ħabbar li għall-ewwel darba din is-sena lejn tmiem il-konferenza huwa se jkun qed jintervista b’mod separat lill-Prim Ministru u lill-Kap tal-Oppożizzjoni.

Ekonomija

Sport