Anzjan ta’ 63 sena residenti n-Naxxar, tilef ħajtu f’inċident li seħħ fil-Park & Ride, il-Furjana.
Kienu għall-ħabta tas-1.45pm xħin intalbet l-assistenza wara li l-Pulizija kienu infurmati li persuna tinsab feruta wara li ntlaqtet minn vettura.
Il-Pulizija marru minnufih fuq il-post u minn stħarriġ preliminari irriżulta li xarabank tal-għamla Mercedes Citaro, għal xi raġuni mexa waħdu, bil-konsegwenza li r-raġel inqabad bejn ħajt u l-ġenb tal-istess xarabank.
Fuq il-post wasal minnufih tim mediku mill-Isptar Mater Dei u permezz t’ambulanza r-raġel ittieħed immedjatament lejn l-Isptar Mater Dei. Sfortunatament ir-raġel ġie ċċertifikat mejjet ftit tal-ħin wara.
Il-Maġistrat Dr Joe Mifsud LL.D kien infurmat b’dan l-inċident u ħatar numru ta’ esperti sabiex jassistuh fl-inkjesta. L-investigazzjonijiet tal-Pulizjia, flimkien mal-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-post tax-Xogħol b’rabta ma’ dan l-inċident għadhom għaddejjin.
Aktar kmieni: Imut ir-raġel li spiċċa maqbud bejn karozza tal-Linja u s-sur tal-Park and Ride fil-Furjana
Jirriżulta li r-raġel waqt li kien fil-Park and Ride lemaħ karozza tal-linja li kienet mixja weħidha u pprova jżommha. Hu ġie ċċertifikat mejjet l-Isptar Mater Dei.
Ir-raġel li ddaħħal l-isptar iżda kull tentattiv biex jiġi salvat falla. Jidher li tgħaffeġ bejn il-karozza tal-linja u s-sur.
Fuq il-post marru l-Ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili li ħarġu lir-raġel fejn sab tim mediku jistenniħ.
Aktar dettalji dalwaqt.
Aktar kmieni: PERSUNA TGĦAFFĠET BEJN ŻEWĠ VETTURI FIL-PARK AND RIDE TAL-FURJANA
Dam is-sit jinsab infurmat li ftit tal-mumenti ilu, ittajret persuna minn karozza tal-linja fil-Park and Ride tal-Furjana. Kelliem għall-Pulizija qal lil dan is-sit li r-raġel spiċċa mgħaffeġ bejn żewġ vetturi.
L-inċident seħħ għall-ħabta tas-2.00pm u fuq il-post ssejjaħ tim mediku b’ambulanza li ta l-ewwel għajnuna lill-vittima.
Il-kundizzjoni tal-persuna involuta għadha mhix magħrufa.