Sunday, October 27, 2024

Tittella’ b’suċċess it-Tieni Konferenza Nazzjonali għaż-Żgħażagħ fil-Każini tal-Banda

Aqra wkoll

Ittellgħet it-Tieni Konferenza Nazzjonali għaż-Żgħażagħ fil-Każini tal-Banda. Din il-konferenza tenfasizza l-irwol kruċjali taż-żgħażagħ biex iħarsu u jsaħħu t-tradizzjonijiet kulturali Maltin permezz tal-impenn tagħhom fil-każini tal-banda. Dan filwaqt li tħeġġiġhom jieħdu sehem attiv fil-ħajja kulturali u ċivika tal-pajjiż, u b’hekk jiżviluppaw ħiliet importanti għat-tmexxija u l-parteċipazzjoni soċjali.

Għal din il-laqgħa, li rat parteċipazzjoni b’saħħitha ta’ numru ta’ żgħażagħ, ipparteċipaw ukoll is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Keith Azzopardi Tanti, flimkien ma’ Maria Borg, Manager Youth Empowerment fi ħdan Aġenzija Żgħażagħ, u Dr Noel Camilleri, President tal-Għaqda Każini tal-Banda.

Is-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti enfasizza l-importanza tal-involviment taż-żgħażagħ f’dan il-qasam, u qal li “l-valur tal-impenn li qed nuru permezz taż-żgħażagħ fil-każini tal-banda huwa ċar. Dawn mhux biss qed jieħdu sehem fil-mużika, iżda qed jikkontribwixxu għall-futur ta’ pajjiżna bħala mexxejja, innovaturi u ċittadini attivi.”

Huwa tenna li l-Gvern se jkompli jappoġġja inizjattivi li jagħtu liż-żgħażagħ opportunitajiet biex jespandu l-orizzonti tagħhom kemm lokalment kif ukoll internazzjonalment, speċjalment permezz ta’ programmi Ewropej bħal Erasmus+ u l-European Solidarity Corps.

Min-naħa tagħha, Maria Borg irringrazzjat lil dawk kollha li ħadu sehem u saħqet fuq l-irwol essenzjali taż-żgħażagħ fil-komunitajiet tal-baned. “Permezz tal-involviment attiv tagħhom, iż-żgħażagħ qed jibnu l-futur, mhux biss tal-baned iżda wkoll tal-komunitajiet tagħhom. Aġenzija Żgħażagħ se tkompli tappoġġja inizjattivi li jagħtu lil dawn iż-żgħażagħ l-għodod neċessarji biex ikomplu jiffurmaw il-karattru tagħhom u jkomplu jiżviluppaw b’mod sħiħ,” temmet tgħid Borg.

Dr Noel Camilleri, faħħar l-impenn taż-żgħażagħ, u qal li “l-każini tal-banda huma ċentri kulturali li jagħtu sens ta’ appartenenza u kontinwità lil bosta żgħażagħ. L-involviment taż-żgħażagħ tagħna fihom huwa fundamentali biex inkomplu nibnu pontijiet bejn il-ġenerazzjonijiet u niżguraw il-futur tal-wirt tagħna.”

Fl-aħħar nett, is-Segretarju Parlamentari Azzopardi Tanti awgura suċċess lil dawk kollha li kienu involuti u esprima rikonoxximent għad-dedikazzjoni tagħhom biex din l-inizjattiva tkun suċċess.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport