Sunday, April 12, 2026

Tittella’ b’suċċess l-attività ‘Pet Day’ li ġabet flimkien familji u l-annimali domestiċi tagħhom

Aqra wkoll

L-attività ‘Pet Day’, organizzata bħala parti mill-isforzi kontinwi sabiex jiżdied l-għarfien dwar id-drittijiet u l-benesseri tal-annimali, ittellgħet b’suċċess hekk kif mijiet ta’ familji attendew flimkien mal-annimali domestiċi tagħhom għal jum mimli attivitajiet u divertiment fil-Belt Valletta.

Matul il-jum tas-Sibt, dawk preżenti setgħu jgawdu minn numru ta’ attivitajiet edukattivi u interattivi. L-avveniment offra wkoll spazju fejn familji setgħu jqattgħu ħin ta’ kwalità flimkien mal-annimali tagħhom, filwaqt li jitgħallmu aktar dwar il-kura u l-ħarsien xieraq tal-annimali. Twaqqaf ukoll rekord nazzjonali ġdid għall-akbar ammont ta’ annimali domestiċi differenti f’post wieħed f’ħin ta’ 6 sigħat, b’total ta’ 345 annimal domestiku.

Is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali, Alicia Bugeja Said, qalet li “Din l-attività turi b’mod ċar kemm hemm interess u mħabba lejn l-annimali fis-soċjetà tagħna. Permezz ta’ inizjattivi bħal dawn, qed inkomplu nsaħħu l-messaġġ dwar il-bżonn ta’ kura u responsabbiltà lejn l-annimali kollha.”

Il-Kummissarju għat-Trattament Xieraq tal-Annimali, Dr Fleur Abela, enfasizzat li “Avvenimenti bħal ‘Pet Day’ huma importanti biex jersqu aktar lejn il-komunità u jkomplu jqajmu kuxjenza dwar il-benesseri tal-annimali. Huwa importanti li nibqgħu nħeġġu kultura fejn l-annimali jiġu trattati b’dinjità.”

Min-naħa tiegħu, is-Sindku tal-Belt Valletta, Olaf McKay, qal li “L-attività kienet opportunità sabiħa biex il-komunità tingħaqad f’ambjent pożittiv u inklużiv. Kien ta’ sodisfazzjon kbir naraw tant familji jipparteċipaw u jgawdu din l-esperjenza flimkien mal-annimali domestiċi tagħhom.”

L-organizzaturi rringrazzjaw lil kull min attenda u ta kontribut għal din l-attività, filwaqt li jibqgħu impenjati li jkomplu jorganizzaw inizjattivi simili fil-futur sabiex jippromwovu aktar il-benesseri tal-annimali fis-soċjetà.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport