Kif inhi t-tradizzjoni, fl-ewwel Sibt ta’ Awwissu sar il-Ballu tal-Qamar ta’ Awwissu fil-Palazz Verdala b’risq The Malta Community Chest Fund. Din kienet l-ewwel edizzjoni tal-Ballu organizzata taħt il-Presidenza ta’ Myriam Spiteri Debono.
F’kelmtejn tal-okkażjoni, il-President Spiteri Debono raddet ħajr lil kull min attenda għall-Ballu tal-Qamar ta’ Awwissu għax il-kontribut tagħhom huwa kruċjali biex The Malta Community Chest Fund tkun tista’ tkompli tassisti lil kull min ikollu bżonn l-għajnuna, fost oħrajn pazjenti li qed jingħataw il-kimoterapija.
“Nirringrazzjakom f’isem dawk il-ħafna li ma jistgħux jirringrazzjawkom personalment, imma jekk tara għajnejn dawk li fis-siegħa tal-bżonn iħabbtu l-bieb, u bl-għajnuna tagħkom inkunu nistgħu ngħinuhom, żgur li tħossu li dak li qed tagħmlu hu opra tajba mal-proxxmu tagħkom,” stqarret il-President ta’ Malta, waqt li indirizzat lill-individwi u l-kumpaniji li jassistu lil The Malta Community Chest Fund matul is-sena kollha.
Il-President esprimiet apprezzament għall-ħidma li wettaq iċ-Chairman tal-kumitat organizzattiv tal-Ballu, il-Markeżin Daniel de Petri Testaferrata, flimkien mal-kumitat innifsu biex dan l-avveniment ikun suċċess.
Min-naħa tiegħu, il-Markeżin Daniel de Petri Testaferrata wkoll radd ħajr lill-kumpaniji u l-entitajiet kollha li bl-għajnuna tagħhom setgħet tittella’ edizzjoni oħra b’suċċess.