Monday, December 30, 2024

Tittella’ b’suċċess Lejla fil-Park 2024

Aqra wkoll

It-tielet edizzjoni ta’ Lejla fil-Park rat parteċipazzjoni qawwija fil-Park ta’ San Klement, f’Ħaż-Żabbar il-Ġimgħa filgħaxija.

Dawk li attendew gawdew minn programm varjat u kellhom l-opportunità li jiltaqgħu ma’ għaqdiet sportivi, jiksbu informazzjoni dwar kif wieħed għandu jgħix ħajja b’saħħitha u x’tip ta’ dieta bilanċjata wieħed jista’ jiekol, infromazzjoni dwar servizzi fil-komunità, servizzi terapewtiċi mogħtija fid-djar kif ukoll progammi għall-ġenituri u l-ulied.

Kien hemm preżenti wkoll entitajiet tas-sigurtà u l-infurzar b’attivitajiet interattivi u eżebizzjonijiet għall-pubbliku preżenti. Dan flimkien ma’ logħob għat-tfal, crafts u attivitajiet sportivi. Dawk preżenti kellhom ukoll l-opportunità li jduqu ikel tradizzjonali Malti.

Entitajiet bħall-WasteServ, Project Green, l-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma, Ambjent Malta, Circular Economy Malta, l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, u Saving our Blue, kienu preżenti biex jipprovdu informazzjoni relatata mal-ambjent naturali, is-sostenibbiltà u t-tibdil fil-klima.

Din l-attivita ġiet organizzata mid-Direttorat għall-Iżvilupp Sostenibbli tal-Ministeru bħala parti mill-Jiem t’Azzjoni favur l-Iżvilupp Sostenibbli, bit-tema “Insawru Flimkien il-Futur li Rridu.”

Id-Direttur għall-Iżvilupp Sostenibbli fi ħdan il-Ministeru, Francine Pace Caruana, esprimiet is-sodisfazzjon tagħha li sena wara sena l-parteċipazzjoni tal-pubbliku qed tkompli tikber. “L-iskop ta’ attivitajiet bħalma hi tal-lum hu propju li nżidu l-għarfien dwar il-miri tal-Iżvilupp Sostenibbli; miri li Malta, flimkien ma’ pajjiżi oħra tal-Ġnus Magħquda, trid tilħaq sa l-2030,” sostniet Pace Caruana.

Il-Jiem t’Azzjoni ta’ din is-sena qed isiru bejn it-18 ta’ Settembru u t-8 ta’ Ottubru bħala parti mill-Ġimgħa Ewropea għall-Iżvilupp Sostenibbli, b’aktar minn 30 attività madwar Malta u Għawdex. Dawn l-attivitajiet qed jiġu organizzati b’kollaborazzjoni bejn entitajiet tal-Gvern, NGOs, u individwi.

Ekonomija

Sport