Monday, October 28, 2024

Tittella’ d-disa’ edizzjoni tal-Gozo Sports Awards

Aqra wkoll

L-Erbgħa l-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar organizza d-disa’ edizzjoni tal-Gozo Sports Awards fejn sportivi Għawdxin ġew premjati għall-avvanzi tagħhom f’diversi dixxiplini sportivi.

Fl-indirizz tiegħu, il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri qal li l-gvern kommess li jkompli jinvesti fl-isportivi u fil-faċilitajiet sportivi. “F’Għawdex, apparti l-investiment li qed isir fiċ-Ċentru Sportiv u Akwatiku, komplejna ninvestu f’faċilitajiet sportivi oħra inkluż fl-Albert Mizzi Stadium fil-Qala u fil-korsa Ta’ Xħajma,” tenna l-Ministru Camilleri.

Il-Ministru Camilleri qal li matul dan is-sajf ġew organizzati b’suċċess numru ta’ tiġrijiet taż-żwiemel fil-korsa Ta’ Xħajma fejn din il-faċilità ġiet sfruttata bl-aħjar mod possibbli sabiex mhux biss tiġi utilizzata, imma magħha ġie ukoll promoss it-turiżmu sportiv intern.

Il-Ministru kompla jgħid li ftit tal-jiem ilu nfetħu l-applikazzjonijiet sabiex atleti Għawdxin jipparteċipaw fl-International Island Games li ser isiru s-sena d-dieħla ġewwa Orkney. Huwa sostna li għalkemm dawn il-logħob ser ikunu ta’ sfida partikolari għall-atleti Għawdxin, hekk kif ċertu dixxiplini sportivi li ksibna suċċess fihom f’Guernsey mhux ser ikunu inklużi fil-programm imħejjija mill-organizzaturi, it-tim tekniku qed jipprepara għal dawn il-logħob sabiex ikomplu jinkisbu aktar suċċessi.

“Inħarsu ’l quddiem b’ottimiżmu u determinazzjoni biex niksbu aktar suċċess fil-qasam sportiv. Kommessi li nkomplu nsostnu lill-għaqdiet u sportivi Għawdxin b’numru ta’ skemi. Nifraħ lill-isportivi kollha li ġew premjati waqt il-Gozo Sports Awards u nawgura kull suċċess lill-isportivi Għawdxin kollha,” temm jgħid il-Ministru Camilleri.

Sport