Wednesday, July 24, 2024

Tittella’ edizzjoni oħra tal-Valletta Concourse D’Elegance

Oliver Attard
Oliver Attard
Ġurnalist Sportiv / Motorsports

Aqra wkoll

Il-Ħadd 2 ta’ Ġunju saret is-7 edizzjoni tal-Valletta Concourse d’Elegance. L-edizzjoni ta’ din is-sena saret fi Pjazza San Ġorġ, il-Belt Valletta.

Għal din l-attività kien hemm 63 karozza kull karozza hija xhieda ta’ eċċellenza u li anke pparteċipaw f’diversi klassijiet u kategoriji. Bil-kwalità tal-vetturi li dejjem qed titjieb, dan l-avveniment malajr qed isir xempju ta’ prestiġju internazzjonali tal-karozzi.

Fl-2022, Cadillac V16 restawrata f’Malta, rebħet il-Valletta Concourse u marret lejn il-Pebble Beach Concours d’Elegance f’Kalifornja, meqjusa b’mod wiesa’ bħala l-aktar wirja prestiġjuża tal-karozzi fid-dinja, u hija l-aqwa kompetizzjoni tal-Concours d’Elegance madwar id-dinja. Is-sena l-oħra, il-konkors reġa’ intrebaħ minn karozza oħra restawrata f’Malta, Jaguar E Type, li ftit wisq wara pparteċipat u rebħet f’konkors internazzjonali ieħor, din id-darba fl-Olanda.

Ir-rebbieħ ġenerali din is-sena huwa r-Rolls Royce 17EX magħrufa mad-dinja kollha. Din hija karozza unika, għalkemm hemm żewġ vetturi simili, 15EX u 16EX, it-tlieta li huma vetturi sperimentali mibnija minn Rolls-Royce fl-1928. Li nġibu karozzi bħal dawn Malta huwa unur kbir.

L-organizzaturi diġà qegħdin jaħdmu u jippjanaw l-edizzjoni tal-Valletta Concourse D’Elegance, li se ssir is-sena d-dieħla. Huma rringrazzjaw lil dawk kollha involuti fl-organizzazzjoni u lill-parteċipanti preċedenti kollha u jistiednu bil-qalb lil dawk kollha li qed jikkunsidraw jieħdu sehem, inklużi dawk li diġà esprimew interess.

Ekonomija

Sport