Wara l-popolarità li kisbet din l-attività s-sena li għaddiet, l-Awtorità tal-Ippjanar (PA) se tkun qed terġa torganizza wirja fotografika, ħabbar il-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia.
L-esibizzjoni fotografika ‘Unsung’ Architectural Icons Photographic Exhibition se tkun qed tittella’ f’żewġ postijiet differenti: bejn il-25 ta’ Awwissu sat-3 ta’ Settembru se tkun qed tittella’ fl-Imdina, filwaqt li bejn it-8 u s-16 ta’ Settembru se tkun qed tittella fi Triq il-Merkanti, il-Belt Valletta.
Il-Ministru spjega li din l-wirja se tkun qed tiġbor madwar 30 ritratt ta’ uħud mill-isbaħ binjiet li nbnew f’pajjiżna mill-aħħar tas-seklu 19 sa nofs is-seklu 20 – biex tiċċelebra l-arkitettura modernista li żviluppat f’pajjiżna tul dan il-perjodu. Dawn jinkludu bini li llum jintuża għal skopijiet kummerċjali, residenzjali u anki knejjes.
Huwa qal li l-maġġoranza tal-binjiet esebiti nbnew bejn l-1920 u l-1960. “Il-ħaġa li tgħaqqad dawn il-binjiet kollha flimkien hija l-introduzzjoni ta’ kunċetti ġodda ta’ bini għal pajjiżna – u xi kultant bl-użu ta’ materjali ġodda. Huwa fl-obbligu tagħna li noħolqu għarfien mal-pubbliku fuq dawn il-binjiet u li niggarantixxu li dawn il-binjiet jiġu konservati bl-iktar mod xieraq għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin. Min-naħa tal-Ministeru, dan qed isir ukoll permezz tal-iskema Irrestawra Darek, fejn is-sidien ta’ binjiet skedati qed jingħataw l-għajnuna biex jikkonservaw is-sbuħija tal-bini skedat tagħhom,” qal il-Ministru Farrugia, filwaqt li fakkar fil-linji gwida ċari għall-integrità viżwali ta’ bini skedat u l-protezzjoni ta’ monumenti li ġew ppubblikati riċentament.
Din l-esebizzjoni tagħmel parti mill-ħidma tal-PA sabiex tippreserva l-patrimonju arkitettoniku ta’ pajjiżna. Tul din is-sena biss, il-PA skedat aktar minn 44 binja fil-lokalitajiet tar-Rabat u tal-Pietà.
Ir-ritratti esibiti ttieħdu mill-membri tal-Institut Malti għall-Fotografija Professjonali. Uħud mill-binjiet li se jkunu qed jidhru waqt din l-esibizzjoni jinkludu x-showroom ta’ Muscat Motors fil-Gzira, mibnija bi stil Art-Deco; it-Teatru Riatlo fil-Gzira mibni bi stil Art Moderne; Balluta Buildings f’San Ġiljan, Villa Ellul f’Ta’ Xbiex, u numru ta’ knejjes bħall-Knisja ta’ l-Erwieħ Kollha f’Ħal Tarxien; il-Knisja ta’ San Ġużepp fil-Manikata; u l-Knisja tal-Madonna tal-Karmnu tal-Fgura.
Il-Kap Eżekuttiv tal-PA Martin Saliba qal li “l-għan ta’ din l-inizjattiva huwa li tqajjem kuxjenza u aprezzament mill-poplu Mati lejn dak li jifforma parti mill-kultura arkitettonika ta’ pajjiżna, li sfortunatament, ħafna drabi ma’ tiġix aprezzata biżżejjed. Dawn il-binjiet la huma Bereġ ta’ żmien i-kavallieri jew palazzi, iżda xorta waħda huma parti importanti mill-ambjent mibni ta’ pajjiżna.”