Sunday, February 2, 2025

Tittella’ Festa Annimali 2025: Ċelebrazzjoni favur il-ħarsien tal-annimali

Aqra wkoll

Matul il-jum tal-Ħadd, f’Ta’ Qali ttellgħet b’suċċess Festa Annimali 2025, fejn diversi familji attendew flimkien mal-annimali tagħhom għal ġurnata ta’ ċelebrazzjoni u għarfien favur il-ħarsien tal-annimali.

L-attività ġiet uffiċjalment miftuħa mill-Ministru Anton Refalo u mis-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said. Preżenti għal din l-attività kien hemm ukoll mart il-Prim Ministru, Dr Lydia Abela, id-Direttur għall-Ħarsien tal-Annimali, Joseph John Vella u l-Kummissarju għall-Ħarsien tal-Annimali, Alison Bezzina.

Matul il-ġurnata, il-familji kellhom l-opportunità li jiltaqgħu ma’ għaqdiet volontarji, veterinarji, trainers u behaviourists tal-annimali biex jiksbu aktar għarfien u servizzi relatati mal-ħarsien tal-annimali.

Numru ta’ voluntiera mid-Dipartiment għall-Ħarsien tal-Annimali kienu preżenti wkoll bi klieb li bħalissa qed jinżammu fl-istess dipartiment u li għadhom qed jistennew familja biex tadottahom. Din l-inizjattiva kienet maħsuba biex tinkoraġġixxi aktar nies jadottaw annimali u jagħtuhom ħajja ġdida f’dar mimlija imħabba.

Festa Annimali 2025 kompliet issaħħaħ il-ħidma li qed ssir mill-Gvern biex jippromwovi l-adozzjoni tal-annimali u l-għarfien dwar id-drittijiet tagħhom, filwaqt li tat ukoll opportunità lill-familji biex jiċċelebraw ir-rabta speċjali li għandhom mal-pets tagħhom.

Il-Ministru Anton Refalo saħaq fuq l-importanza ta’ attivitajiet simili, fejn permezz tagħhom il-Gvern qed juri kemm verament jemmen fil-qasam tad-drittijiet tal-annimali. “Jikkumplimenta dawn l-attivitajiet hemm numru ta’ miżuri u riformi li wettaq dan il-Gvern favur il-ħarsien xieraq tal-annimali. Dan filwaqt li l-Ministeru se jibqa’ jkun ta’ spalla wkoll għal dawk li jieħdu ħsieb l-annimali abbandunati fis-santwarji,” tenna l-Ministru Refalo.

Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said sostniet li Festa Annimali hija xhieda ta’ Gvern li jibqa’ jpoġġi l-annimali fuq quddiem tal-aġenda tiegħu. “Apparti li organizzajna ġurnata mimlija attivitajiet għat-tgawdija tal-familji, urejna wkoll li l-annimali huma prijorità fil-politika tagħna. Nirringrazzja lil dawk kollha li kienu involuti biex din il-ġurnata kienet suċċess,” stqarret Bugeja Said.

F’Ta Qali wkoll infetaħ il-Pet Memorial Garden. Dan il-ġnien jinsab faċċata ta’ fejn jinżamm is-suq tal-bdiewa u se jkun qed joffri spazju għall-kwiet għal dawk li tilfu l-pet tagħhom. F’dan il-ġnien ġew installati statwi kommemorattivi ta’ diversi annimali bħal qtates, klieb u fniek, bħala tislima għall-pets li ħallewna. Ġew installati wkoll bankijiet għan-nies li jżuru dan l-ispazju, filwaqt li tħawlu siġar u xtieli biex jinħoloq ambjent trankwill. Il-Ministru Refalo u s-Segretarju Parlamentari Bugeja Said sostnew li permezz tal-Pet Memorial Garden il-familji Maltin u Għawdxin issa għandhom spazju fejn ifakkru l-annimali tagħhom.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport