Waqt il-51 Laqgħa Ġenerali Annwali tal-Bank of Valletta, l-azzjonisti approvaw ħlas ta’ dividend rekord, programm ta’ xiri lura ta’ ishma, u ħruġ ta’ ishma bonus.
Iċ-Chairperson tal-Bank, Dr Gordon Cordina u l-Kap Eżekuttiv Kenneth Farrugia, waqt li indirizzaw lill-azzjonisti preżenti, taw ħarsa dettaljata dwar il-prestazzjoni pożittiva li kellu l-Bank matul is-sena 2024. Tkellmu wkoll dwar il-pjanijiet li għandu l-Grupp BOV għas-sena. Matul il-laqgħa, l-azzjonisti approvaw:
- ħlas rekord ta’ dividend gross ta’ €0.2238 għal kull sehem għas-Sena Finanzjarja 2024, li b’kollox jammonta għal €130.7 miljun. Dan jirriżulta fl-ogħla dividend f’dawn l-aħħar 10 snin;
- programm ta’ xiri lura ta’ ishma li jista’ jinvolvi x-xiri sa 2,800,000 sehem (qabel il-ħruġ ta’ ishma bonus) mingħand l-azzjonisti bil-għan li tissaħħaħ il-likwidità fin-negozjar tal-ishma. Iktar informazzjoni dwar dan il-programm, li huwa soġġett għall-approvazzjoni regolatorja, mistennija tinħareġ fix-xhur li ġejjin; u
- ħruġ ta’ ishma bonus fejn l-azzjonisti mniżżla fuq ir-reġistru sad-data tas-26 ta’ Ġunju 2025 se jirċievu sehem addizzjonali għal kull għaxar ishma miżmuma. Din l-inizjattiva għandha l-għan li tkompli ssaħħaħ il-valur tal-azzjonisti.
Waqt il-Laqgħa Ġenerali Annwali ta’ din is-sena, inħatru wkoll żewġ diretturi mhux eżekuttivi ġodda fuq il-Bord.
“Nipprovdu iżjed valur lill-azzjonisti, lill-klijenti u lill-ekonomija Maltija” – Dr Gordon Cordina
Fl-indirizz tiegħu lill-azzjonisti, iċ-Chairperson Dr Gordon Cordina kkummenta fuq il-pożizzjoni b’saħħitha u sostenibbli tal-BOV fis-suq bħala istituzzjoni finanzjarja ewlenija. Huwa spjega li sa mis-sena 2020, il-Bank iġġenera iktar minn €520 miljun f’valur għall-azzjonisti, b’mod partikolari bil-ħlas ta’ dividendi. “Illum qed inressqu numru ta’ inizjattivi li għandhom ikomplu jżidu l-valur għall-azzjonisti tagħna, li poġġew il-fiduċja tagħhom fil-Bank u ġustament jistennew ritorn adegwat fuq l-investiment tagħhom.
L-impenn tagħna jibqa’ wieħed b’saħħtu, hekk kif b’mod proattiv naraw li nottimizzaw il-karta tal-bilanċ, insaħħu r-redditu finanzjarju u niżguraw profitti sostenibbli fit-tul. Għandna programm ambizzjuż ta’ diġitalizzazzjoni tal-proċessi, niżguraw li ninkorporaw ir-riskju u l-konformità regolatorja fil-mudell operattiv u tan-negozju, u nżommu buffers ta’ likwidità u kapital għolja sabiex inkomplu nilħqu l-miri tat-tkabbir tal-Bank. Ir-riżoluzzjonijiet imressqa għall-approvazzjoni, huma mmirati biex jipprovdu valur miżjud u ritorn ġust fuq l-investiment tal-azzjonisti tagħna.”
Iċ-Chairperson irringrazzja wkoll lill-membri tal-Bord li temmew it-terminu tagħhom u rringrazzjahom tal-kontribut siewi tagħhom fuq il-Bord fl-aħħar snin.
“Inkomplu l-vjaġġ li minn tajjeb iwassalna għal eċċellenti” – Kenneth Farrugia
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv Kenneth Farrugia, waqt l-indirizz tiegħu, semma l-punti ewlenin tal-prestazzjoni finanzjarja b’saħħitha reġistrata fis-sena 2024. Huwa tkellem ukoll dwar il-pjanijiet strateġiċi u kummerċjali li twettqu matul is-sena li għaddiet u oħrajn li jinsabu fil-proċess li jitwettqu.
“L-istrateġija li implimentajna matul is-sena li għaddiet, għandha l-għan li tpoġġi l-Bank f’qagħda favorevoli ta’ tkabbir. Fil-qalba tal-vjaġġ strateġiku tagħna, hemm is-servizz li nipprovdu lill-klijenti personali u kummerċjali. Tejjibna b’mod sostanzjali l-esperjenza tal-klijenti billi komplejna bir-rinnovar tal-fergħat, introduċejna ġenerazzjoni ġdida ta’ ATMs, daħħalna l-kunċett ta’ benesseri finanzjarju, nedejna servizzi diġitali bħal BOV SmartPay, pagamenti istantanji SEPA u rfinajna l-proċessi ta’ self u onboarding.
Dalwaqt se nkunu qed inniedu Internet u Mobile Banking ġdid, u se nħabbru iktar tisħiħ fil-qasam tas-servizzi bankarji għall-klijenti tan-negozju. Se nibqgħu mmexxu bl-eżempju fl-oqsma marbuta mal-ESG, permezz ta’ forniment ta’ prodotti ta’ self u investiment ekologiċi. L-impenn tagħna lejn il-komunità jibqa’ fil-qalba tal-operat permezz ta’ programm estensiv ta’ CSR. Finalment, il-wegħda tagħna li nibqgħu ninvestu fil-kapital uman tibqa’ waħda b’saħħitha. Se nibqgħu niffokaw fuq programmi ta’ taħriġ u żvilupp għall-impjegati tagħna bil-għan li nżommu u nattiraw l-aqwa talent. B’hekk nistgħu inkomplu fuq dan il-vjaġġ li minn tajjeb għandu jwassalna għal eċċellenti.”
Kompożizzjoni tal-Bord il-ġdid
Il-Bord kif maħtur wara l-Laqgħa Ġenerali Annwali huwa kif ġej:
GORDON CORDINA CHAIRPERSON U DIRETTUR MHUX EŻEKUTTIV
NICOLA ANGELI DIRETTUR MHUX EŻEKUTTIV
INGRID AZZOPARDI* DIRETTUR MHUX EŻEKUTTIV
CHRISTIAN BONNICI WEST DIRETTUR MHUX EŻEKUTTIV
DIANE BUGEJA DIRETTUR MHUX EŻEKUTTIV
KENNETH FARRUGIA DIRETTUR EŻEKUTTIV
ANATOLI GRECH DIRETTUR EŻEKUTTIV
ANITA MANGION DIRETTUR MHUX EŻEKUTTIV
HADRIAN SAMMUT DIRETTUR MHUX EŻEKUTTIV
DEBORAH SCHEMBRI DIRETTUR MHUX EŻEKUTTIV
JONATHAN SPITERI DIRETTUR MHUX EŻEKUTTIV
ROBERT SUBAN DIRETTUR MHUX EŻEKUTTIV
SUE VELLA* DIRETTUR MHUX EŻEKUTTIV