Saturday, October 26, 2024

Tittella’ l-bandiera Blu fir-Ramla l-Ħamra

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

F’ċerimonja fir-Ramla l-Ħamra f’Għawdex ittellgħet il-bandiera l-blu għal kwalità għolja fil-bajjiet.

Il-President u Kap Eżekuttiv ta’ Nature Trust – FEE Malta ppreżenta l-bandiera u ċ-ċertifikat ta’ rikonoxximent lill-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Julia Farrugia Porteli u l-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri. It-tnejn imbagħad tellgħu l-bandiera li timmarka l-ftuħ uffiċjali tal-bandiera l-blu għas-sajf 2020.

Il-Ministru Farrugia Portelli qalet li l-bajjiet f’Malta huma integrali għall-prodott turistiku u jvarjaw minn dawk bir-ramel għal min irid jixxemmex, għal ibħra sbieħ għal dawk li jridu jagħmlu attivitajiet bħal snorkelling. Dan jagħmel il-baħar u l-bajjiet Maltin popolari mad-dinja kollha. Żiedet li wħud mill-bajjiet ġew rikonoxxuti internazzjonalment fl-aħħar żmien bħala fost l-iżjed siguri fid-dinja.

Filwaqt li spjegat ix-xogħlijiet li jsiru ta’ kuljum mid-Dipartiment tat-Tindif, il-beach supervisors tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu u ħaddiema tal-ewwel għajnuna, hija inkoraġixxiet lill-pubbliku sabiex igawdi s-sajf b’mod responsabbli filwaqt li jirrispetta d-distanza soċjali u l-iġjene.

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri stqarr li, “aħna kburin li fl-aħħar snin f’Għawdex ġibna tlett ibnadar blu – fir-Ramla, Ħondoq ir-Rummien u Marsalforn. Il-bandiera l-blu tippromwovi s-sostennibilità u tinċentiva l-awtoritajiet lokali, il-beach managers u l-operaturi fil-bajjiet biex jimmiraw għal standards għolja fl-erba’ kwalitajiet tal-kwalità tal-ilma, l-immaniġġjar ambjentali, l-edukazzjoni ambjentali u s-sigurtà.” Spjega li din is-sena ġew installati iżjed passaġġi fl-injam biex titjieb l-aċċessibilità. Il-Ministru Camilleri semma li għalkemm il-Covid-19 ġabet magħha diversi sfidi, il-Ministeru għal Għawdex flimkien mal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu qegħdin jaċċertaw li l-bajjiet huma siguri u li r-regolamenti kollha qed ikunu osservati. Il-beach supervisors se jkunu qed josservaw il-bajjiet kollha, kemm dawk popolari, kif ukoll oħrajn inqas popolari. Stqarr li għal dan is-sajf se jkunu ngaġġati madwar 80 beach supervisor. Żied li se tingħata attenzjoni f’Imġarr ix-Xini, ix-Xlendi, l-bajja ta’ Santa Marija u l-Blue Lagoon sabiex ikomplu jitjiebu l-ispazji fil-bajjiet.

Preżenti kien hemm ukoll iċ-chairman tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Dr Gavin Gulia flimkien ma’ uffiċjali mill-Awtorità u uffiċjali miż-żewġ ministeri.

Iċ-chairman tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Gavin Gulia stqarr li, “l-Awtorità qed tassigura li l-prodott fuq il-bajjiet tal-gżejjer tagħna huwa l-aħjar li jista’ jkun. Għal dan il-għan l-MTA għandha pjaċir li tappoġġja l-Ministeru għal Għawdex billi tissupplixxi l-lifeguards, beach supervisors u tieħu ħsieb spejjeż oħra għal bajjiet f’Għawdex u Kemmuna. Din is-sena qed nallokaw baġit ta’ iżjed minn €500,000 għal dan il-għan.

Minbarra r-Ramla l-Ħamra, l-bandiera l-blu ngħatat lil għaxar bajjiet oħra din is-sena, wara li laħqu 29 kriterju li jinkludu standards għall-kwalità tal-ilma, is-sigurtà, informazzjoni u edukazzjoni dwar l-ambjent, il-provvista ta’ servizzi u kriterji ġenerali dwar l-immaniġġjar tal-ambjent.

Il-bajjiet l-oħra huma l-Bajja ta’ Buġibba, Fond Għadir f’Tas-Sliema, il-Bajja ta’ Golden Sands, il-Bajja ta’ Għajn Tuffieħa, l-Għadira, il-Bajja ta’ Fra Ben fil-Qawra u Westin Dragonara Beach Club f’San Ġiljan f’Malta, u l-Bajja ta’ Ħondoq ir-Rummien u ta’ Marsalforn f’Għawdex.

Il-bajja tal-Westin Dragonara ngħatat Green Key Eco Label, li tingħata lil postijiet ta’ akkomodazzjoni li jikkomettu rwieħhom lejn prattiċi sostennibbli fl-attivitajiet kummerċjali tagħhom. Dawn iridu jimxu ma’ kriterji stretti li jkunu verifikati indipendentament bi spezzjonijiet regolari fuq il-post.

Il-bajjiet bil-bandiera l-blu joffru ambjent sigur u nadif fejn wieħed jista’ jgawdi l-baħar. Permezz ta’ testijiet regolari tal-kwalità tal-ilma, stazzjonijiet tal-ewwel għajnuna u servizzi għal dawk b’diżabilità, qed ikun offrut servizz eċċellenti lil dawk li jużaw il-bajjiet għal kwalunkwe raġuni. Bħala parti mill-istandard għoli tal-bajjiet bil-bandiera l-blu qed ikun offrut kontenituri għas-separazzjoni tal-iskart, toilets u showers nodfa, tindif regolari tal-bajja u servizz ta’ sand sifting.

Permezz tal-bandiera l-blu, l-MTA u Nature Trust qed jippromwovu żvilupp sostennibbli u jinċentivaw l-operaturi fil-bajjiet biex jakkwistaw standards għolja. Dan iġib flimkien is-setturi tat-turiżmu u l-ambjent fil-livelli lokali, reġjonali u nazzjonali.

Sport