Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri u s-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza Rebecca Buttigieg flimkien mal-LGBTI+ Gozo attendew iċ-ċelebrazzjoni tal-Gozo Pride 2025 li saret il-Belt Victoria. Dan l-avveniment mhux biss hu festa ta’ diversità, espressjoni, u mħabba iżda wkoll xhieda qawwija tar-rispett, l-inklussività u s-solidarjetà li jemmen fihom il-poplu Għawdxi u Malti.
Il-Ministru Clint Camilleri stqarr, “Bħala Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar, minn sena għall-oħra aħna kburin li nkunu parti minn din il-mixja u nibqgħu nsaħħu l-appoġġ tagħna sabiex kull ċittadin iħossu milqugħ u apprezzat. Għawdex, li għal żmien twil kien meqjus bħala gżira konservattiva, f’dawn l-aħħar snin ingħaqad b’mod sħiħ ma’ Malta fil-messaġġ ċar li permezz tal-Gozo Pride rridu nwasslu: li kull persuna għandha d-dritt tesprimi ruħha b’mod ħieles u bla biża’. Din mhijiex biss kwistjoni ta’ libertà individwali, iżda wkoll ta’ maturità soċjali – fejn bħala soċjetà nuru li d-diversità mhijiex xi ħaġa li taqsamna, imma li tgħaqqadna.”
Il-Ministru Camilleri fakkar li ftit snin ilu, il-Ministeru ta l-ewwel spazju uffiċjali lill-għaqda LGBTI+ Gozo sabiex setgħet tibda l-ħidma tagħha minn uffiċċju fil-Belt Victoria qalb il-komunità Għawdxija. Dak il-pass kien simbolu ċar li l-Gvern mhux biss ried isemma’ l-vuċi tal-komunità LGBTI+, iżda ried ukoll jagħti l-għodda biex din il-vuċi tkompli tissaħħaħ. Fl-2023, flimkien mal-komunità kollha, Għawdex laqa’ wkoll iċ-ċelebrazzjonijiet tal-Europride, mument storiku li poġġa lill-gżira fuq il-mappa internazzjonali bħala destinazzjoni li tilqa’ lil kulħadd. Illum, din ir-ruħ ta’ inklussività qed tkompli tikber.
Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg qalet li huwa ta’ sodisfazzjon li qiegħda tattendi għar-raba’ edizzjoni tal-Pride f’Għawdex. Qalet li fl-aħħar erba’ snin żdiedet ir-rappreżentanza tal-persuni LGBTIQ+ f’Ghawdex, għalkemm stqarret li ċerti preġudizzji għadhom jippersistu minħabba mentalitajiet żbaljati. Is-Segretarju Parlamentari Buttigieg wiegħdet li tkompli tappoġġja l-inizjattivi tal-LGBTI+GOZO. Hija qalet li tagħmel dan anke għaliex id-drittijiet fundamentali tal-bniedem iridu ikunu għal kulħadd inkluż għal membri ta’ din il-komunità.
“Iċ-ċelebrazzjoni tal-Pride hija manifestazzjoni tal-kisbiet u l-avvanzi li din il-komunità għamlet f’dawk li huma drittijiet ċivili. Fl-istess waqt hija sejħa biex jitkomplew ir-riformi favur l-inklussività u d-diversità u kontra kull forma ta’ diskriminazzjoni,” temmet tgħid is-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg.
Il-Ministru Clint Camilleri temm jgħid li dan il-Gvern jinsab kommess li mhux biss ikompli jappoġġja dawn l-inizjattivi, iżda wkoll li jaħdem kontinwament biex id-drittijiet li ta matul is-snin jitħarsu, jissaħħu u jkunu aċċessibbli għal kulħadd. Il-Gozo Pride hija wkoll messaġġ li Għawdex irid ikun gżira fejn kulħadd iħossu sigur, rispettat u mogħti l-istess opportunitajiet.