Monday, December 23, 2024

Tittella’ l-ħames edizzjoni tal-attività Betlehem f’Santa Venera

Aqra wkoll

Il-Kunsill Lokali ta’ Santa Venera b’kollaborazzjoni mal-Ministeru għall-Artijiet u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali, se jkun qed jorganizza l-ħames edizzjoni tal-attività marbuta ma’ żmien il-Milied, Betlehem f’Santa Venera b’risq il-Malta Community Chest Fund.

Din is-sena l-attività se tieħu dimensjoni ferm akbar, grazzi għal din il-kollaborazzjoni, hekk kif għall-ewwel darba l-attività se tkun mifruxa fil-ġonna ta’ Romeo Romano, u dak tal-binja tal-Ministeru, Casa Leoni.

Il-Ministru għall-Artijiet u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali Stefan Zrinzo Azzopardi spjega kif din l-attività, barra li se ddaħħalna fl-ispirtu tal-Milied, se tkun opportunità għall-pubbliku biex iżur dawn il-ġonna mill-isbaħ tas-seklu tmintax. Il-Ministru Zrinzo Azzopardi qal li, “Matul din is-sena l-Ministeru ħadem kontinwament mas-Segretarjat Parlamentari għall-Gvern Lokali biex diversi postijiet storiċi jgħaddu f’idejn il-Kunsilli Lokali rispettivi biex isiru aktar aċċessibbli għall-pubbliku. Għaldaqstant, ħassejna li grazzi għal din il-kollaborazzjoni mal-Kunsill Lokali ta’ Santa Venera, anke l-ġnien tal-binja tal-Ministeru, se jkun qed jinfetaħ għall-pubbliku.”

Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli qalet li l-attività Betlehem f’Santa Venera saret appuntament fil-kalendarju tal-festi tal-Milied f’pajjiżna. Hija ddeskriviet din l-attività bħala waħda li żżomm it-tradizzjonijiet Maltin ħajjin u kif ukoll għandha l-għan li jinġabru fondi għall-Malta Community Chest Fund.

“F’din l-attività se jinfetaħ ukoll Ġnien Casa Leoni, li bħalissa jospita l-Ministeru tal-Artijiet u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali, b’hekk l-attività se tkun waħda ta’ skala akbar. Huwa ta’ sodisfazzjon li din is-sena se jittellgħu 30 attività marbuta mal-Milied mill-Kunsilli Lokali, u Betlehem f’Santa Venera hija xhieda importanti tal-appoġġ li l-Gvern qed jagħti lil dawn l-attivitajiet,” temmet tgħid is-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli.

Is-Sindku ta’ Santa Venera Gianluca Falzon qal li “hekk kif il-Milied f’Santa Venera kompla jikber, din is-sena f’Betlehem f’Santa Venera se naraw estensjoni tal-istess Ġnien billi se jinfetaħ il-Ġnien ta’ Casa Leoni. Dan huwa ġnien li għal bosta snin dejjem kien magħluq, u matul dawn it-tlett ijiem se jkun qiegħed jinfetaħ għall-pubbliku. Aktar minn hekk se tkun qed issir il-ġrajja tal-Milied fir-razzett, żoni għat-tfal flimkien ma’ stalls b’ikel u xorb marbut ma’ dan iż-żmien.”

Dawn iż-żewġ ġonna pittoreski tas-seklu tmintax, kienu jiffurmaw ġnien komuni tal-palazz tal-Gran Mastru Antonio Manoel de Vilhena, magħruf aħjar bħala Casa Leoni. Dan huwa t-tieni l-akbar ġnien ta’ żmien il-Kavallieri wara dak tal-Palazz ta’ Sant’Anton.

Betlehem f’Santa Venera se jkun miftuħ bejn il-Ġimgħa, 13 ta’ Diċembru u l-Ħadd, 15 ta’ Diċembru. Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jżur is-sit https://fb.me/e/21eK96CuZ.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport