Tittella’ t-tielet edizzjoni tal-Malta Boat Show

Aqra wkoll

Ilbieraħ ingħata bidu għat-tielet edizzjoni tal-Malta Boat Show, organizzata mill-Ministeru għall-Mobbiltà Sostenibbli flimkien ma’ Yachting Malta, li qed tittella’ bejn ilbieraħ u l-1 ta’ Novembru fid-Dockyard Creek, fil-Kottonera.

F’perjodu qasir, dan l-avveniment stabbilixxa ruħu fil-kalendarju internazzjonali tal-wirjiet tal-jottijiet, tant li qed jattira viżitaturi barranin apposta għalih. Din is-sena se jkunu qed jintużaw madwar kilometru u nofs ta’ mollijiet, b’madwar 70 esebitur u aktar minn 150 dgħajsa u jott. Għall-ewwel darba, se jipparteċipaw direttament bennejja internazzjonali tad-dgħajjes, filwaqt li se tiġi introdotta attrazzjoni ġdida, il-Malta Wake Show.

Il-Ministru għall-Mobbiltà Sostenibbli Chris Bonett sostna li dan it-tkabbir jirrifletti l-potenzjal tas-settur marittimu Malti.

“Għal ħafna snin, l-operaturi Maltin kienu jivvjaġġaw barra minn pajjiżna biex jiltaqgħu ma’ kumpaniji u investituri internazzjonali. Illum qed naraw il-kuntrarju, b’operaturi u viżitaturi barranin li qed jiġu Malta apposta għal dan l-avveniment. Dan huwa suċċess għal industrija b’valur miżjud għoli, li għandha rwol importanti fit-tkabbir sostenibbli tal-ekonomija tagħna u fil-Viżjoni Malta 2050,” qal il-Ministru Bonett.

Huwa enfasizza li dan is-suċċess huwa frott il-kollaborazzjoni bejn il-professjonisti, l-operaturi u l-investituri tas-settur, filwaqt li rringrazzja lir-residenti tal-Kottonera, partikularment ta’ Bormla, u lill-entitajiet kollha li kkontribwew biex dan l-avveniment seta’ jsir.

Il-Malta Boat Show huwa opportunità oħra biex Malta tkompli tippromwovi lilha nnifisha bħala ċentru marittimu internazzjonali u tattira investiment u negozju ġdid.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport