Wednesday, March 19, 2025

Titwaqqaf Aġenzija dwar is-Suq tal-Proprjetà: Pass ġdid lejn settur aktar regolat u professjonali

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard indirizza aġenti tas-suq tal-proprjetà u partijiet ikkonċernati fis-settur waqt l-inawgurazzjoni tat-twaqqif tal-Aġenzija dwar is-Suq tal-Proprjetà. Il-ħolqien tal-Aġenzija jimmarka pass kruċjali lejn settur tal-proprjetà aktar trasparenti, robust, u sostenibbli.

Filwaqt li rringrazzja lil dawk kollha li stinkaw matul is-snin biex seta’ jintlaħaq dan it-tragward, il-Ministru Jonathan Attard qal li din l-Aġenzija se sservi bħala regolatur ewlieni tal-intermedjarji fis-settur tal-proprjetà, taħt qafas regolatorju ġdid li jsaħħaħ il-protezzjoni lix-xerrejja, lill-bejjiegħa u lill-operaturi tas-suq. Din ir-riforma timmira li tipprevjeni każijiet ta’ abbuż, tistabbilixxi standards aktar ċari u tgħolli l-professjonalità fis-settur.

“L-implimentazzjoni ta’ dan il-qafas regolatorju ġdid tindirizza lakuni li kien hemm fil-liġi, tistabbilixxi standards professjonali aktar ċari u tiżgura li s-settur jaħdem b’mod etiku u responsabbli. Dan jikkumplimenta l-isforzi tal-gvern biex isaħħaħ il-fiduċja f’dan is-suq b’importanza ekonomika u soċjali għall-familji Maltin,” saħaq il-ministru.

Huwa żied jgħid li l-gvern jirrikonoxxi li dan is-settur jinvolvi l-akbar investiment li jagħmlu ħafna familji u negozji f’ħajjithom u għaldaqstant, permezz ta’ din l-Aġenzija, se jiġi żgurat li dawk kollha li joperaw fis-suq jimxu skont regolamenti ċari, filwaqt li jiġu evitati każijiet ta’ abbuż jew prattiki inġusti.

“Il-gvern se jkompli jsaħħaħ il-qafas bi strumenti leġiżlattivi li joħolqu kundizzjonijiet aktar stabbli u ġusti fis-suq tal-proprjetà, filwaqt li jkompli jinvesti f’aktar riżorsi, inkluż dawk umani fl-Aġenzija. Din l-inizjattiva hija pass ieħor fl-impenn kontinwu biex jinħoloq settur aktar professjonali, trasparenti u sostenibbli għall-benefiċċju ta’ kulħadd,” temm jgħid il-Ministru Jonathan Attard.

Min-naħa tiegħu l-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija dwar is-Suq tal-Proprjetà Joe Deguara qal li l-għan tal-aġenzija huwa li tagħti lill-konsumaturi serħan il-moħħ billi tipprovdilhom l-għarfien li jeħtieġu sabiex jinteraġixxu b’kunfidenza fis-suq tal-proprjetà.

Fost affarijiet oħra l-Aġenzija se tkun qiegħda:

  • Tirregola u tissorvelja s-suq tal-proprjetà;
  • Tipprovdi taħriġ għall-intermedjarji;
  • Tinkoraġġixxi u tikkordina riċerka;
  • Torganizza kampanji ta’ għarfien pubbliku li teduka lill-konsumaturi;
  • Tipprovdi riżorsi faċilment aċċessibbli li jispjegaw proċeduri legali u kundizzjonijiet tas-suq u
  • Tipprovdi prattiċi kummerċjali etiċi li jagħtu prijorità lill-ħarsien tal-konsumatur u trattament ġust.

Fost dawk li attendew għal din l-inawgurazzjoni kien hemm s-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Johan Galea, numru ta’ aġenti tas-suq tal-proprjetà, u partijiet ikkonċernati oħrajn fis-settur.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport