Ftit tal-jiem ilu tnediet uffiċjalment il-Malta Ranger Unit, li l-għan tagħha huwa li tiżgura li dak li hemm miktub fil-liġi ambjentali, iseħħ fil-prattika. Xogħol ir-ranger huwa li jirrapporta kriminalità ambjentali lill-pulizija jew l-awtoritajiet applikabbli kif ukoll il-ġbir tal-evidenza.
L-MRU sservi wkoll bħala punt ta’ referenza għal rappurtaġġ ta’ kriminalità ambjentali mill-pubbliku. Ir-rangers tal-MRU, wara li jkun sar xi rapport mill-pubbliku, imorru fuq is-sit fejn il-ksur tal-liġi jaf ikun seħħ. Meta l-ksur tal-liġi jkun ikkonfermat, l-MRU tagħmel rapport lil Environment Protection Unit (EPU), lill-pulizija tad-distrett jew xi awtorità applikabbli skont il-liġi.
Min dan il-punt ‘il quddiem, l-MRU ssegwi lill-awtoritajiet konċernati biex tara fejn ikun wasal il-każ sal-konklużjoni tiegħu. Mill-bidu tal-ħidma tagħha, l-MRU ddokumentat 20 każ li wasslu għal 18-il każ fil-Qorti.
Rwol kruċjali tal-MRU huwa l-identifikar ta’ żoni meqjusa bħala vulnerabbli, suġġetti għal kriminalità ambjentali. Mill-bidu tagħha, l-MRU eżerċitat moniteraġġ fit-tul fuq żewġ siti partikolari.
Għar Lapsi
Fi Frar, l-MRU bdiet operazzjoni konġunta mal-grupp ta’ tindif ‘7R Lifestyle’ sabiex titjieb is-sitwazzjoni tas-sit ta’ Għar Lapsi li jifforma parti fi ħdan l-akbar sit ta’ Natura2000 ġewwa Malta. Ġiet analizzata s-sitwazzjoni waqt diversi eżerċizzji ta’ moniteraġġ, fejn instab li l-kwistjonijiet kienu jittrattaw f’rimi illegali ta’ skart u ħruq illegali tal-flora w fawna protetta.
Fuq perjodu ta’ erba’ ġimgħat, l-MRU ssorveljat s-sit u ddokumentat tliet illegalitajiet. Dawn l-atti ġew irrappurtati lill-Environment Protection Unit (EPU), fejn flimkien mal-pulizija, l-MRU mexxiet legalment kontra d-delinkwenti konċernati. Dan kien possibli biss għal fatt li l-gwardjani tal-MRU ġabru biżżejjed evidenza sabiex huma stess jikkonfermaw l-aġir illegali bħala xhieda fil-qorti.
Wara mhux aktar minn erba’ ġimgħat, l-illegalitajiet waqfu fiż-żona mmonitorjata. Dan juri li azzjonijiet bħal dawn, fejn l-offensuri ġew imtella’ l-qorti wara li ġew irrapurtati, naqqas l-impunità u dan ta’ tama fi ħdan il-gruppi tat-tindif u l-komunità lokali.
Għal snin twal din l-akwata ta’ Għar Lapsi kienet qiegħda tiġi abbużata u issa qed tingħata ċans tirkupra u flimkien magħha l-flora u l-fawna tal-madwar.
Il-każijiet kollha huma pendenti fil-qorti u mistenni s-smigħ tagħhom fejn l-MRU qiegħda tittama illi l-multi għandhom ikunu aktar min-norma ta’ €150 minħabba l-fatt liż-żona hija protetta (a bazi ta’ ċirkustanzi aggravati skont il-Ligi Sussidjarja 549.40).
Qalet Marku
Dan is-sit ġie identifikat bħala l-aktar wieħed problematiku fiż-żona ta’ Triq il-Kosta fejn jidħol ir-rimi ta’ skart. Ammont kbir ta’ individwi jagħmlu użu minn din iż-żona ferm zgħira ta’ art sabiex jagħmlu ħgejjeġ mal-art għal-BBQs. L-MRU bdiet tissorvelja din iż-żona minn Marzu 2023. Kien jidher ċar mill-ewwel li dan se jkun proġett fit-tul minħabba l-komplessità sabiex issir is-sorveljanza u jittieħdu l-passi legali. L-illegalitajiet kienu qegħdin iseħħu tard filgħaxija.
Għal dan il-progett l-MRU ħadmet mal-EPU u l-pulizija tad-distrett tan-Naxxar (tard filgħaxijiet). F’inqas minn tliet xhur l-MRU ddokumentat 14-il illegalità ambjentali, li seħħew l-aktar fi tmiem il-jum, fosthom; ħruq ta’ skart u ħruq illegali tal-flora w fawna protetta. Il-każijiet kollha wasslu għal teħid ta’ passi legali. F’każijiet ta’ rimi ta’ skart dawn jiġu mismugħa u mressqa fit-Tribunal lokali, mentri każijiet l-oħra inklużi l-ħruq ta’ skart u ħsara lill-flora protetta – dawn jiġu mismugħa fil-Qorti minħabba’ li huma meqjusa bħala ċirkustanzi aggravati (Leġiżlazzjoni Sussidjarja 549.40).
Għall-MRU il-każ ta’ Qalet Marku jirrapreżenta ‘storja ta’ tama’ perews li wara biss erba’ xhur ta’ moniteraġġ kontinwu fiż-żona, li nkluda wkoll it-tindif tas-sit mir-Rangers tagħna quddiem il-persuni preżenti, l-MRU rat bidla kbira fl-imġiba tal-viżitaturi. Sa biss gimgħa ilu, individwu li jżur iż-żona b’mod frekwenti, deher inaddaf qabel rama biex joqgħod mal-familja tiegħu.
Il-gwardjani tal-MRU tkellmu mar-raġel fejn spjega li dan seħħ wara li ra lill-MRU tieħu passi legali filwaqt li xorta r-rangers urew interess u ħadu ħsieb kemm liż-żona kif ukoll lill-pubbliku li jżur iż-żona. Hu kien grat għall-mod kif l-MRU timxi, għaliex ħass li l-MRU tgħin lin-nies ikunu jixtiequ jagħmlu parti minn xi ħaġa ikbar. Issa l-MRU mxiet pass ieħor permezz ta’ dokumenti informattivi spjegati b’lingwi differenti sabiex issir aktar faċli għar-Rangers biex jikkomunikaw mal-individwi li jiltaqgħu magħhom waqt l-eżerċizzji ta’ monitoraġġ.
Fil-fehma tal-MRU l-inklużjoni żżid is-sens ta’ għaqda fil-komunità. Din l-esperjenza kkonfermat ukoll illi l-MRU qiegħda taħdem bi proċeduri tajbin sabiex tħalli effett pożittiv fuq l-ambjent u l-prevenzjoni tal-illegalitajiet.
Edukazzjoni
L-MRU se taħdem bħala organizzazzjoni pożittiva u kostruttiva bl-għan aħħari tagħha ikun dak tal-edukazzjoni. L-MRU taspira li teduka kemm persuni adulti kif ukoll lit-tfal min età tenera. Fil-fatt se jibdew żjarat fl-iskejjel mill-Ħarifa li jmiss. L-MRU tadotta approċċ etiku u sensittiv fl-operazzjonijiet kollha eżegwiti.
Sadaittant, l-MRU se taħdem bis-sħiħ ma’ organizzazzjonijiet b’għanijiet komuni ambjentali. Dan huwa importanti biex l-isforzi ma jkunux duplikati, kif ukoll jitqassam l-għarfien miksub bejn l-entitajiet mat-trapass taż-żmien.