Tuesday, April 23, 2024

Titwaqqaf is-Sezzjoni tas-Sorveljanza fi ħdan l-Aġenzija tal-Ikel

Aqra wkoll

“Illum qed niftħu uffiċjalment is-Sezzjoni tas-Sorveljanza fi ħdan l-Aġenzija tal-Ikel. It-twaqqif ta’ din is-sezzjoni huwa ferm kruċjali għas-settur u fil-fatt kienet ukoll miżura fil-Baġit 2022.” Dan tħabbar mill-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo waqt konferenza tal-aħbarijiet.

Il-ministru spjega li wħud mill-funzjonijiet ta’ din is-sezzjoni huma li jiġi żgurat li ma jkunx hemm frodi fil-bejgħ tal-prodott agrikolu Malti; li jitwettqu spezzjonijiet meħtieġa fis-settur; li jiġu implimentati l-istandards tal-kumerċjalizzazzjoni fuq il-frott u anke l-ħaxix frisk; li jsaħħu u jirregolaw is-swieq tal-bdiewa; kif ukoll li joffru appoġġ lid-dipartimenti fi ħdan l-Aġenzija tal-Ikel biex ikun hemm titjib fis-servizzi li jiġu offruti.

It-twaqqif tas-Sezzjoni ta’ Sorveljanza timxi id f’id ma’ ħidma li diġà saret fil-qasam, li tinkludi l-ħidma relatata mas-swieq tal-bdiewa, l-eżerċizzju fuq il-liġijiet relatati mal-ħidma tal-Aġenzija tal-Ikel, saru wkoll spezzjonijiet regolari fil-Pitkalija, kif ukoll ingħata taħriġ lill-ħaddiema.

“Dan kollu jkompli jixhed kemm il-Gvern Malti huwa impenjat sabiex jibqa’ jsaħħaħ is-settur tal-agrikoltura f’Malta”, ikkonkluda l-Ministru Refalo.

Sport