Saturday, December 21, 2024

Titwaqqaf l-Awtorità għall-Azzjoni dwar il-Klima

Aqra wkoll

Twaqqfet uffiċjalment l-Awtorità għall-Azzjoni dwar il-Klima, li permezz tagħha pajjiżna se jkompli jibgħat messaġġ b’saħħtu dwar l-impenn tagħna u l-isforzi kollettivi li ttieħdu u li għadhom jittieħdu f’dan il-qasam. 

Id-doveri ewlenin tal-Awtorità huma li tara li l-interessi ta’ pajjiżna, dak li għandu x’jaqsam mat-tibdil tal-klima, jkunu mħarsa u mismugħa . L-Awtorità se jkollha l-kompetenza wkoll li dan l-isforz kollettiv ikun wieħed effettiv, ekonomikatment effiċjenti u konformi ma’ politiki u miri internazzjonali. 

Din hija l-ewwel Awtorità fl-Ewropa li se tkun responsabbli li tikkordina u tissorvelja l-miżuri u regolamenti relatati mat-tibdil fil-klima ta’ pajjiżna. Din ser tiżgura li l-effetti qed jiġu mmonitorjati u l-istrateġiji ta’ Malta mħejjija biex jikkumbattu t-tibdil fil-klima li jkunu effettivi u sostenibbli. 

L-Awtorità se tkun qiegħda taħdem sabiex tqajjem kuxjenza u toħloq aktar għarfien fost il-pubbliku dwar it-tibdil fil-klima u l-miżuri meħtieġa li jistgħu jikkumbattu l-effetti tagħha, li timplimenta qafas legali, tfassal u toħloq liġijiet nazzjonali u internazzjonali biex tindirizza din l-isfidi kif ukoll li tirrapporta l-progress ta’ pajjiżna dwar l-azzjonijiet u l-miżuri biex ikunu mitigati l-problemi kkawżati mit-tibdil fil-klima.

L-Awtorità se jkollha wkoll l-għan li tikkordina diskussjonijiet mas-servizz pubbliku kif ukoll ma’ intrapriżi u entitajiet privati biex jiġu kkunsidrati u xprunati azzjonijiet favur il-klima, tistabbilixxi policies u regolamenti b’saħħithom biex tinħoloq bidla reali, tanġibbli u meħtieġa fil-pajjiż u tiżviluppa strateġija nazzjonali, tixpruna u taġġorna l-istrateġija fit-tul għall-enerġija u l-klima, inkluż il-Pjan Nazzjonali dwar l-Enerġija u l-Klima (NECP).

Għanijiet oħra tal-Awtorità jinkludu l-ġbir ta’ informazzjoni biex tikkordina proċess neċessarju biex jiġi żviluppat qafas ta’ policy dwar il-klima, li tmexxi, toħloq u timmaniġġja proġetti relatati mal-azzjoni klimatika bejn il-ministeri u entitajiet oħra tal-Gvern u toħloq skemi u inċentivi li jappoġġjaw azzjonijiet favur il-klima.

Min-naħa tagħha, l-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir Miriam Dalli qalet li din l-Awtorità  hija tal-ewwel tip tagħha fl-Unjoni Ewropea u li se tkun qed tisma lil kulħadd, inkluż aspetti governattivi, għaqdiet mhux governattivi u anke individwi. Il-Mininistru tal-Ambjent enfasizzat li l-qofol ewlieni tagħha hi li se tkun qiegħda tindirizza wkoll l-aspetti ambjentali ta’ pajjiżna. 

Il-Ministru Dalli rrimakrat li din l-Awtorità se tkun qed tgħin sabiex kif mistenni u kif rikkomandat mill-Unjoni Ewropea, sas-sena 2050 pajjiżna jiġi ‘carbon-neutral’. Qalet ukoll; “Irridu nieħdu deċiżjonijiet kuraġġużi u l-passi kollha meħtieġa. L-Awtorità se tkun responsabbli għal direttivi trasposti f’liġijiet nazzjonali. L-irwol tagħha se jkun li tagħti pariri u tevalwa policies bil-parteċipazzjoni ta’ bosta” 

Waqt it-tnedija, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq kif it-tibdil fil-klima hija sfida ewlenija li rridu nindirizzawha bħala poplu magħqud, kulħadd flimkien – fil-livelli u fis-setturi kollha. Fil-fatt tenna kif li ma nagħmlu xejn m’hiex għażla u għalhekk il-Gvern ser jagħmel il-parti tiegħu u se jagħmilha sew.“Qegħdin hawn biex nimbuttaw politika li tħares il-futur, iżda anke ttejjeb il-ħajja tagħna llum il-ġurnata. Politika ambjentali u aktar ġusta.”

Dr Abela saħaq li din il-bidla jrid li n-nies iħossuha, u għalhekk għandhom huma wkoll ikunu parti minn dawn l-azzjonijiet xprunati favur il-klima; “Irrid li dan il-jum jibqa’ mfakkar għal bidu ta’ sforz nazzjonali favur il-ġenerazzjonijiet kollha ta’ pajjiżna.” Spjega kif illum qed inwettqu ġustizzja ambjentli u enfasizza dwar ir-responsabbiltà kolletiva.

Din l-Awtorità tista wkoll timponi penali amministrattivi fuq individwi jew entitajiet li jiksru r-regolamenti tal-klima. Madanakollu qabel ma timponi penali, l-Awtorita trid tikkonferma li jkun sar ksur tal-liġi 

Ekonomija

Sport