Wednesday, March 27, 2024

Titwaqqaf l-ewwel fondazzjoni tal-Akkomodazzjoni Affordabbli f’Malta

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru Robert Abela, flimkien mal-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes u l-Arċisqof Charles J. Scicluna, iffirma ftehim għat-twaqqif tal-ewwel fondazzjoni tal-Akkomodazzjoni Affordabbli f’Malta, fondazzjoni li se tkun mmexxija mill-Gvern u l-Arċidjoċesi ta’ Malta.

Il-Prim Ministru qal li dan huwa l-aktar gvern li ħadem biex kulħadd ikollu d-dritt ta’ saqaf fuq rasu. Qal li l-prinċipju li qed imexxihom huwa dak li kulħadd, hu min hu u ġej minn fejn ġej, ikollu l-opportunità li jilħaq l-aspiarzzjonijiet tiegħu u dar komda fejn wieħed jgħix huwa wieħed minn dak li jqis bħala dritt bażiku ta’ persuna umana.

Irrefera għal statistika tal-Eurostat li tgħid li Malta huwa l-aktar pajjiż fl-Ewropa tal-Punent li għandu persuni li huma sidien ta’ darhom. Kif ukoll innota li fl-aħħar snin intlaħaq rekord pożittiv ta’ aktar minn 162,000 familja li huma sidien ta’ familja, żieda ta’ aktar minn 45,000 familja kkumparat mal-2013 li issa għandhom dan id-dritt li jkunu sidien tar-residenza tagħhom.

Tkellem dwar il-fatt li x-xogħol jagħti d-dinjità lin-nies u semma kif min wera din il-bżulija ppremjawh b’miżuri bħall-iskema tal-first time buyers fejn minnha bbenefikaw aktar minn 27,000 persuna.

Fl-istess waqt, tkellem dwar il-fatt li jaraw il-kwistjoni tal-housing bħala waħda ħolistika. Irrefera għall-akbar investiment li pajjiżna qatt ra dak ta’ €110 miljun li bis-saħħa tiegħu kien hemm madwar 1,700 familja li se jkollhom saqaf fuq rashom u li b’hekk jippermettilhom li jimxu ‘l quddiem. Fl-istess waqt semma kif illum għandna l-anqas numru ta’ persuni jistennew akkomadazzjoni soċjali, numru li niżel bi kważi 50%.

Qal li jiżbaljaw jekk jgħidu li wasalna u għalhekk bit-twaqqif ta’ din il-Fondazzjoni qed ikomplu jgħaqqdu l-kwadru ta’ sistema robusta ta’ housing ġewwa pajjiżna. 

“Din id-darba mhux qed nitkellmu fuq l-aktar vulnerabbli fostna, dawk li huma mgħejunin diġà bl-akkomodazzjoni soċjali. Din id-darba qed nitkellmu fuq persuni u familji li s-suq mhux jipprovdi alternattivi adegwati għad-dħul li għandhom preżentement,” qal Abela filwaqt li spjega li l-mod kif se titħaddem din il-Fondazzjoni huwa pjattaforma ideali biex jinbtu fiha l-inizjattivi u l-proġetti li jmorru lil hinn minn dak li sar sa issa.

Semma kif l-ewwel proġetti se jkunu relatati mas-suq tal-kera filwaqt li tkellem dwar l-importanza ta’ ħidma konġunta u li dan se jibqa’ l-istil ta’ gvern immexxi minnu.

Il-Ministru Galdes qal li t-twelid ta’ din il-fondazzjoni huwa wieħed importanti. Qal li d-dar hija l-ispazju fejn tikber il-familja u l-art fejn tinżera’ s-soċjetà u f’dawn l-aħħar snin raw tibdil demografiku.

Qal li l-evolviment tal-aspirazzjonijiet ma jnaqqas xejn mid-drittijiet uman għal saqaf adegwat. 

“Il-mudell il-ġdid li qed inwaqqfu llum huwa stuttura importanti u dejjiema biex nibdew nindirizzaw b’mod sostenibbli din il-faxxa ta’ nies,” qal il-Ministru.

Żied jgħid: “Mil-lum il-gvern ikkommetta l-għotja imħabbra fil-budget ta’ din is-sena ta’ €300,000 fis-sena għall-ewwel 25 sena biex jitħaddem l-operat tal-fondazzjoni filwaqt li l-Arċidjoċesi qed tgħaddi b’ċens temporanju ta’ 25 sena kunvent f’Ħal Kirkop li se jospita l-ewwel inizjattiva ta’ housing affordabbli tal-Fondazzjoni.”

L-Arċisqof Scicluna kkommetta ruħu u impenja ruħu f’isem il-knisja li jkomplu b’din il-kollaborazzjoni mal-istat biex ikunu jistgħu joffru possibiltà ta’ djar u akkomodazzjoni affordabbli għal nies li tassew għandhom bżonn din l-għajnuna minn din il-Fondazzjoni li qed titwaqqaf. Qal li l-fatt li kulħadd ikollu d-dar tiegħu huwa wkoll sinjal għad-dinjità tal-persuna umana. 

Ekonomija

Sport