Fl-età ta’ 93 sena, il-fundatur tal-Laboratorju tal-Paċi, Patri Dijonisju Mintoff, ra ħolma oħra titwettaq: ir-riġenerazzjoni tal-Ġnien tal-Laboratorju tal-Paċi. L-ispazju ta’ madwar 2,000 metru kwadru, li għandu l-għan li jilqa’ viżitaturi li qed ifittxu ftit ħin għall-kwiet, ġie rriġenerat permezz ta’ Project Green li appoġġjat it-talba ta’ Patri Dijonisju Mintoff għal dan il-proġett soċjali.
“Bi proġetti ambjentali individwali qed inħallu impatt soċjali differenti li jirrifletti l-ħtiġijiet tal-komunitajiet differenti. Dawn l-ispazji miftuħa għandhom l-għan li jressqu lin-nies eqreb lejn l-ambjent u lejn xulxin,” spjegat il-Ministru għall-Ambjent Miriam Dalli. Hija tenniet li qed tħares ’il quddiem għal sena oħra ta’ proġetti ambjentali minn entitajiet differenti.
Waqt żjara fil-ġnien mal-Ministru Miriam Dalli, Patri Mintoff spjega kif dan il-post serva bħala żona fejn kienu jsorġu l-ajruplani fi żmien it-Tieni Gwerra Dinjija. Din iż-żona kienet tilqa’ madwar 7,000 suldat ġejjin minn pajjiżi tal-Commonwealth u llum qed iservi bħala post ta’ paċi.
“L-iskop huwa wkoll li n-nies jiftakru li l-ħin tal-mistrieħ huwa importanti. In-natura hija ktieb kbir, u tkellmek il-ħin kollu,” stqarr il-Patri Mintoff, u żied jgħid li jixtieq jara aktar nies iżuru dan il-post. “Ix-xewqa tagħna kienet li minn post ta’ gwerra nagħmluh post ta’ paċi, u dan huwa pass ieħor biex inqarrbu lin-nies lejn dan il-post. Nistieden lin-nies biex jiġu jżuru dan il-ġnien.”
Ix-xogħlijiet kienu jinkludu l-installazzjoni ta’ pontijiet baxxi kif ukoll twessigħ ta’ passaġġi li ser itejbu l-aċċess filwaqt li jippreservaw il-bijodiversità eżistenti ta’ dan il-post. Biex tkompli titjieb is-sigurtà, ġiet installata wkoll sistema ta’ dawl ġdida, adattata għal post bil-għan li tkompli toħloq atmosfera aktar rilassanti f’dan il-ġnien. Tħawlu bosta siġar u arbuxelli u ġie installat ukoll tagħmir tal-logħob għat-tfal magħmul minn materjal riċiklabbli. Għall-kumdità tal-viżitaturi, ġew installati bankijiet tal-piknik u amenitajiet oħra li jkomplu jagħmlu dan il-ġnien rikreattiv u komunitarju.
Il-ġnien, li huwa aċċessibbli għal kulħadd, żaruh ukoll membri tal-Kunsill Lokali taż-Żurrieq u rappreżentanti minn Project Green.
Il-Perit Cheryl Camilleri minn Project Green stqarret, “L-elementi tas-sostenibbiltà u l-aċċessibbiltà jibqgħu l-qofol ta’ kull proġett li nimplimentaw għax irridu li l-proġetti tassew jitgawdew mill-komunitajiet rispettivi.”
F’isem il-Kunsill Lokali taż-Żurrieq, is-Sindku Rita Grima qalet, “Grazzi għal din il-kollaborazzjoni, illum qed naraw dan il-ġnien qed jiġi riġenerat, fejn dan huwa spazju ieħor li r-residenti Żrieraq u tal-madwar jistgħu jiġu u jqattgħu ftit ħin ta’ mistrieħ.”
Kien fl-1971 meta Patri Dijonisju Mintoff ħoloq Ċentru ta’ Ħidma Pastorali favur il-Paċi. Aktar tard twaqqaf kumpless ġdid, il-Laboratorju tal-Paċi. Illum il-ġurnata nfetħet fergħa oħra f’The Hague, l-Olanda.