In-nefqa globali fuq il-pensjonijiet żdiedet b’55% fis-sena 2022, meta mqabbla man-nefqa tas-sena 2013. Din iż-żieda hija primarjament dovuta għall-fatt illi r-rata tal-pensjonijiet baqgħet tissaħħaħ minn sena għal oħra. Fil-fatt, minn din is-sena, kull pensjonant beda jara żieda ta’ €50 kull 4 ġimgħat, meta mqabbel mas-sena li għaddiet.
Dan filwaqt li żdiedu wkoll in-numru ta’ persuni eleġġibli għall-pensjoni. Mill-2013 lil hawn dawn żdiedu bi 15,600.
Dawn id-dettalji ħarġu waqt business breakfast bit-tema “Ġustizzja Soċjali – Opportunitajiet Indaqs għal Kulħadd”, organizzat mill-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal f’lukanda ewlenija f’Tas-Sliema.
Ħareġ ukoll li benefiċjarji tal-assistenza soċjali u tal-għajnuna għall-qgħad ingħataw l-opportunità permezz tal-iskema tat-tapering li jimpjegaw irwieħhom mingħajr ma jitilfu f’daqqa l-benefiċċji intitolati għalihom.
Fost l-aktar li sfruttaw din l-opportunità kienu persuni li għal żmien twil kienu jiddependu fuq il-benefiċċji – 70% huma nisa, bil-maġġoranza tagħhom jibqgħu fid-dinja tax-xogħol.
L-għadd ta’ benefiċjarji soċjali mill-2013 lil hawn naqas għall-aktar livelli baxxi li qatt ġew irreġistrati; tnaqqis ta’ 9,260 persuna. Il-qgħad niżel għall-iktar livell baxx.
Fil-fatt, naqsu b’7.3 punti perċentwali jew 15,700 dawk li ma jaffordjawx spiża mhux mistennija, naqsu bi 22.8 punti perċentwali jew 63,000 dawk li ma jaffordjawx vaganza ta’ ġimgħa fis-sena filwaqt li niżlu bi kważi 5 punti perċentwali jew 12,000 dawk li waqgħu lura fil-pagamenti tal-kera jew self.