Sunday, November 24, 2024

TIŻDIED B’55% IN-NEFQA SOĊJALI FL-AĦĦAR 10 SNIN

DIN IL-ĠIMGĦA JINGĦATAW IL-PAGAMENTI TAL-INWORK U L-CARERS GRANT

Aqra wkoll

Matul din il-ġimgħa l-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal se jkun implimenta żewġ miżuri oħra tal-Baġit 2023 biex issa implimenta 20 mit-22 miżura soċjali tiegħu, jew 91%.

Tefgħu aktar dawl fuq dan il-Ministru għall-Politika Soċjali Michael Falzon u s-Segretarju Permanenti tal-Ministeru Mark Musu’ waqt konferenza tal-aħbarijiet l-Erbgħa wara nofsinhar.

Waħda mill-miżuri l-ġodda hija żieda qawwija fil-Carers Grant li kienet ġiet introdotta għall-ewwel darba matul is-sena 2021.  Dakinhar din l-Għotja bdiet titħallas fl-ammont ta’ €300 fis-sena u s-sena l-oħra telgħet għal €500 fis-sena.

Hekk kif kien imwiegħed fil-manifest elettorali, minn din is-sena dan il-pagament se jogħla għal nofs il-Paga Minima Nazzjonali netta, jiġifieri €4,510.  Dan l-ammont se jibda jkun maqsum f’erba’ pagamenti ta’ €1,127.50 ‘il wieħed jiġifieri kull tlett xhur.

Il-persuni eliġibbli ma’ għandhomx għalfejn japplikaw u l-proċess ta’ pagamenti huwa kollu awtomatiku.  L-ewwel pagament tas-sena 2023 ser isir fit-8 ta’ April, u jkomplu jsiru pagamenti kull tlett xhur bl-ispiża totali fuq din il-grant se titla’ minn €230,000 għal €2 miljun fis-sena.

Miżura oħra ġdida implimentata tikkonċerna persuni singoli li jkunu fuq l-Assistenzi Soċjali u jibdew jieħdu l-Allowance għal Carers.  B’din il-miżura, dawn il-persuni mhux se jibqa’ jkollhom tnaqqis fid-dħul tagħhom minkejja li ma jkunux aktar meqjusa bħala l-kap tal-familja.

Issa ddaħħal tibdil kif imħabbar fil-Baġit 2023 li bih dawn il-persuni xorta jibqgħu jirċievu l-istess ammont ta’ benefiċċju li kienu jirċievu qabel bla tnaqqis.  Din il-miżura tfisser li dawn il-persuni se jibqgħu bi €13.21 fil-ġimgħa aktar fi bwiethom li issa mhux se jibqgħu jitnaqqsulhom.

Intant is-Sibt li gej se jsir ukoll pagament tal-Inwork Benefit li jkopri l-ewwel 3 xhur tas-sena. B’kollox hemm 22,500 familja li se jircievu €3.2m bejniethom. Il-proċess issa sar wieħed awtomatiku u ma hemmx bżonn iżjed li ssir applikazzjoni.
 
L-IWB jitħallas lil ġenituri ta’ tfal dipendenti taħt it-23 sena, liema ġenituri iridu jkunu jaħdmu u lid-dħul mill-impjieg tagħhom (wara li titnaqqas l-bolla) ma jaqbizx:
€50,000 fis-sena għal koppji li jaħdmu t-tnejn
€35,000 għal koppji li wieħed mill-ġenituri jaħdem jew single parent li jaħdem.
Waqt it-tħaddim ta’ dan l-eżerċizzju nstab li li kien hemm 10,300 familja oħra b’15,400 tifel u tifla.
 
B’riżultat ta’ dawn l-iżviluppi l-ispiża fuq dan il-benefiċċju qabżet b’€6.7 miljun għal €13.7 miljun.

Intant waqt l-istess konferenza tal-aħbarijiet saret analiżi ta’ statistika ppublikata mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika fejn ikkonfermat li n-nefqa soċjali fl-2022 żdiedet b’ €81 miljun fuq is-sena ta’ qabel. Din iż-żieda kienet l-aktar waħda għolja qatt reġistrata minn sena għall-oħra.

Matul l-2022 in-nefqa globali fuq il-benefiċċji soċjali laħqet €1.2 biljun, maqsuma f’madwar €966 miljun f’pensjonijet u benefiċċji kontributorji u €242 miljun f’benefiċċji mhux kontibutorji.  Dan l-ammont huwa €426 miljun ogħla minn dak li kien intefaq 10 snin qabel, żieda ta’ 54.5%.

Ġie spjegat li fattur ewlieni għat-tkabbir is-sena l-oħra kien iż-żidiet u t-titjib li sar bit-twettiq ta’ pakkett b’saħħtu ta’ miżuri fil-Baġit tal-2022.  Dawn kienu jinkludu żieda ta’ €5 fil-ġimgħa fil-pensjonijiet, l-introduzzjoni ta’ aġġustament gradwali fil-pensjoni tar-romol u t-tnedija ta’ tibdil fil-mekkaniżmu tal-bonus tal-għoli tal-ħajja biex eventalwalment dan jibda jitħallas bl-istess rata sħiħa lill-pensjonanti kollha.    
Naturalment komplew jiżdiedu wkoll il-pensjonanti, anke permezz ta’ miżura ġdida li biha ġew rikonoxxuti kontribuzzjonijiet imħallsin qabel l-età ta’ 19-il sena u b’hekk madwar 2,000 persuna, ħafna minnhom nisa, bdew igawdu minn pensjoni.

B’kollox in-nefqa fuq il-pensjonijiet tal-irtirar u tar-romol flimkien mal-bonus kontributorju telgħet bi kważi €55 miljun.

Meta wieħed imbgħad janalzza x’wassal għal żieda ta’ aktar minn 54% fuq pensjonijiet u benefiċċji soċjali fl-aħħar 10 snin isib li dawn kienu:
• Mill-anqas 110 miżuri soċjali immirati għall-pensjonantii u anzjani
• Mill-anqas 268 miżuri soċjali għall-familji u l-ħaddiema, ħafna minnhom f’benefiċċji soċjali
• Żieda ta’ mill-anqas €37 fil-ġimgħa fil-pensjonijiet kollha u dawk fuq il-Pensjoni Minima żdiedu saħansitra sa €57 fil-ġimgħa
• Sar programm estensiv ta’ reviżjonijiet fil-pensjonijiet li kienu ilhom snin kbar ma jsiru fejn tħallsu aktar minn €45m f’arretrati lill-madwar 42,000 pensjonant, minbarra ż-żidiet fir-rati tal-pensjoni sussegwenti
• Żieda ta’ aktar minn 20,000 fl-għadd ta’ pensjonanti mill-2012 ‘l hawn, speċjalment tal-irtirar u romol

Iċ-ċifri tal-NSO wrew li n-nefqa fuq il-benefiċċji mhux kontributorji kibret bi €30 miljun. L-akbar impatt fuq in-nefqa kienu żewġ miżuri ewlenin li tniedew lejn l-aħħar tal-2022 u li bejniethom kienu jinvolvu żieda ta’ €24.5 miljun.

Sport