Sunday, October 19, 2025

Tiżdied id-domanda għall-mediċini ta’ referenza wara l-kummenti ta’ Alex Borg

Aqra wkoll

Numru kbir ta’ anzjani qed jirrikorru sabiex jistaqsu dwar l-effettività tal-mediċini ġeneriċi, tant li meta qed jingħataw il-mediċini qed jistaqsu jekk huwiex possibbli li jingħataw, dawk ‘branded.”

Infurmati b’dan l-aħħar żvilupp minn numru kbir ta’ anzjani, spiżjara u persuni mill-qasam tal-farmaċewtika. 

Jidher li dawn il-mistoqsijiet dwar il-mediċini ġeneriċi qamu wara kummenti mill-Partit Nazzjonalista, b’mod partikolari l-Kap tal-Oppożizzjoni waqt attività politika ftit tal-ġimgħat ilu.

Dakinhar il-Kap Nazzjonalista Alex Borg sostna li l-Gvern Nazzjonalista jiggarantixxi mediċini ta’ kwalità tajba u mhux ġeneriċi. Dan il-kumment qajjem paniku kbir fis-settur tal-mediċini tant li dakinhar stess l-Awtorità Maltija għall-Mediċini antiċipat id-dubji perikolużi li jistgħu jqumu u ħarġet stqarrija tassigura li l-mediċini ġeneriċi huma ta’ kwalità għolja u approvati minn numru awtorevoli t’awtoritajiet.

Ftit tal-jiem wara l-Assoċċjazzjoni Maltija għat-Tobba u l-Kamra tal-Ispiżjara wkoll ikkontradixxew id-dikjarazzjoni tal-Kap tal-Oppożizzjoni f’tentattiv li ma jinqalgħux dubji dawn il-mediċini ġeneriċi li l-użu tagħhom sar in-norma globalment.

Jekk ma jonqosx, id-Deputat Nazzjonalista Stephen Spiteri stess ikkjarifika l-kummenti tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg mhux biss mil-lat ta’ saħħa pubblika iżda anke minn dak ekonomiku. Dan hekk kif irrimarka li filwaqt li mediċini ġeneriċi huma irħas fil-prezz, dawn xorta jkollhom l-istess effetti ta’ dawk “branded”. Tant hu hekk li Spiteri tenna li d-dikjarazzjoni ta’ Alex Borg ma kinitx waħda infurmata għax il-Kap tal-Oppożizzjoni mhux m’għandux background mediku.

Minkejja dan kollu jidher li xorta qamu dubji kbar dwar l-effettività tal-mediċini ġeneriċi, hekk kif fl-aħħar jiem qamet domanda kbira għall-mediċini ġeneriċi. Dan filwaqt li żdiedu sew il-mistoqsijiet għand l-ispiżjara dwar il-mediċini ġeneriċi u kif jikkumparaw ma’ dawk branded. Fil-fatt, jidher li d-domanda għall-mediċini ‘branded’ jidher li żdiedet sew minkejja li jiswew iktar minn dawk ġeneriċi u jħallu l-istess effett.

L-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini tgħid li “huwa kkunsidrat li l-mediċini ġeneriċi għandhom l-istess kompożizzjoni kwalitattiva u kwantitattiva fis-sustanzi attivi u l-istess forma farmaċewtika bħall-mediċina ta’ referenza. Dawn jitqiesu li għandhom l-istess kwalità, sigurtà u effikaċja bħall-mediċina ta’ referenza.”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport