Sunday, December 22, 2024

TIŻDIED IL-KULLANA TA’ BENEFIĊĊJI GĦALL-MEMBRI TAL-GWU

Aqra wkoll

Il-GWU kompliet iżżid mal-kullana ta’ benefiċċji għall-membri tagħha billi issa żiedet, għal min irid, li jkollu pensjoni oħra barra dik li tingħata mid-dipartiment tas-sigurtà soċjali. Il-GWU kienet ilha taħseb kif dawk il-ħaddiema li jispiċċaw mix-xogħol jibqgħu jgħinu lilhom infushom għal meta jirtiraw. Din l-iskema, li hija l-ewwel waħda tax-xorta tagħha li qatt saret minn unjin tal-ħaddiema, tiġbor fiha primarjament pensjoni volontarja personali.

Flimkien mal-GWU/APS Personal Pension Plan, tħabbret ukoll l-Occupational Pension Plan, li tista’ tkun offruta lill-ħaddiema mill-postijiet tax-xogħol organizzati mal-GWU. Bl-introduzzjoni ta’ dawn l-iskemi mhux biss qed ikun assigurat il-futur finanzjarju tal-membri iżda qed jingħatalhom is-setgħa li jgħixu s-snin tal-irtirar tagħhom b’dinjità u serħan il-moħħ.

Kif spjega tajjeb is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja, is-soċjetà tagħna qiegħda tinbidel b’ritmu mgħaġġel ħafna, bil-prijoritajiet għall-ħaddiema membri qegħdin jinbidlu wkoll. Għalhekk b’dak li qiegħda tagħmel il-GWU qiegħed jinbagħat messaġġ lill-istess membri li mhumiex waħedhom f’dan il-vjaġġ tagħhom u li l-unjin qiegħda hemm sabiex tappoġġjahom.

Jekk wieħed jagħti ħarsa lejn x’joffru dawn l-iskemi ta’ pensjoni, isib li meta l-membri jirreġistraw dawn se jkunu qegħdin jirċievu bonus ta’ €150 miżjud mal-pjan tal-pensjoni ġdid tagħhom. Barra minn hekk, il-Personal Pension Plan u l-Occupational Pension Plan għandhom ħlas inizjali orħos li jagħmluha aktar aċċessibbli u affordabbli għall-istess membri. Dan joffri vantaġġ biex il-membri jibdew jippjanaw għall-irtirar tagħhom. Għalhekk, filwaqt li qiegħed jiġi offrut prodott innovattiv, se jkun hemm inċentivi li bla dubju ta’ xejn huma favorevoli għall-membri tal-istess union.

Fil-fehma tagħna, it-tnedija ta’ dawn l-iskemi tirrappreżenta pass sinjifikanti fl-impenn kontinwu tal-union fejn jidħol il-ħarsien tal-benesseri tal-membri. Kapitlu importanti li juri kemm din l-akbar union tal-ħaddiema qiegħda tħares b’mod ħolistiku lejn il-membri, anke lil hinn mis-snin tax-xogħol tagħhom. B’dan il-mod, qiegħda tkun żgurata wkoll il-kwalità tal-ħajja tagħhom.

Ekonomija

Sport