Wednesday, December 25, 2024

Tiżdied il-piena għal żewġ periti ħatja b’rabta mal-mewt ta’ Miriam Pace

Aqra wkoll

Il-Qorti Kriminali żiedet il-piena li ngħatat lil żewġ periti misjuba ħatja tal-qtil involontarju ta’ Miriam Pace. Il-każ imur lura għat-2 ta’ Marzu 2020. 

Pace kienet tilfet ħajjitha meta ġġarfet ir-residenza tagħha fil-Ħamrun wara xogħol ta’ kostruzzjoni li kien qed isir biswit l-istess residenza. 

Is-sena li għaddiet, il-Periti Roderick Camilleri ta’ 37 sena mir-Rabat u Anthony Mangion ta’ 73 sena mill-Gżira, kienu nstabu ħatja ta’ negliġenza li wasslet għall-qtil ta’ Pace u li kkawżaw ħsarat f’bini tal-ġirien. Camilleri waħdu kien instab ħati li għamel dikjarazzjonijiet foloz lill-awtoritajiet pubbliċi. 

Il-Qorti tal-Maġistrati kienet ikkundannat lil Camilleri għal 480 siegħa xogħol fil-komunità flimkien mal-ħlas ta’ €10,000 multa filwaqt li Mangion kien ordnat jagħmel 400 siegħa xogħol fil-komunità u jħallas multa ta’ €8,000. L-Avukat Ġenerali kien imbagħad appella mis-sentenza. 

Fid-deċiżjoni tiegħu, l-Imħallef Aaron Bugeja laqa’ l-appell tal-AĠ u biddlet is-sentenza fejn minflok l-€10,000 multa li ngħata Camilleri, huwa kien ikkundannat sentejn ħabs sospiżi għal sentejn. L-480 siegħa xogħol fil-komunità kienu kkonfermati fl-appell.

Min-naħa l-oħra, il-Qorti Kriminali sabet lil Mangion ħati li ma kienx preżenti għal xogħol perikoluż li kien għaddej, liema akkuża fil-bidu ma kienx instab ħati tagħha. Il-multa ta’ €8,000 inbidlet għal sentenza ta’ 15-il xahar ħabs sospiżi għal sentejn filwaqt li l-400 siegħa xogħol fil-komunità ġew ikkonfermati.

Ekonomija

Sport