Vettura li ser tkun qed tilħaq voluntiera u viżitaturi li m’għandhomx il-mezzi tat-trasport tagħhom għadha kif ġiet inawgurata permezz ta’ investiment ta’ €20,000 bħala parti mill-fondi allokati mill-Voluntary Organisations Projects Scheme (VOPS) amministrati mill-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat (MCVS).
Dan ħabbritu l-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia waqt żjara fiċ-Ċentru tar-Riabilitazzjoni fil-Park tas-Sostenibbiltà fi Xrobb l-Għaġin.
Iċ-Ċentru tar-Riabilitazzjoni fil-Park tas-Sostenibbiltà fi Xrobb l-Għaġin infetaħ f’Novembru 2023 u matul l-operat tiegħu nħass in-nuqqas ta’ iktar tagħmir importanti, speċjalment meta n-numru ta’ annimali li jeħtieġu l-kura żdied b’mod sostanzjali, effett ta’ kampanja ta’ għarfien minn Nature Trust – FEE Malta Wildlife Rescue Team. Għaldaqstant, inħass il-bżonn li jkun hemm din il-vettura kif ukoll ċertu tagħmir li nxtara mill-fondi sabiex tkun tista’ tiġi pprovduta l-aħjar esperjenza lill-pubbliku, l-iskejjel li jżuru u lill-voluntiera.
Dan il-proġett għandu l-għan prinċipali li jipprovdi lill-park b’vettura 7-seater biex jgħin ħalli jiġu trasportati voluntiera, edukaturi u viżitaturi lejn u minn Xrobb l-Għaġin u jipprovdi wkoll provvisti meħtieġa li jipprovdu esperjenza aħjar lil kulħadd. Servizz aħjar għandu jattira wkoll aktar voluntiera, u jagħti aktar nies l-opportunità li jgħinu fir-riabilitazzjoni tal-fawna selvaġġa u li jkun hemm dejjem aktar edukazzjoni dwar x’inhu żvilupp sostenibbli.
Il-Ministru Julia Farrugia fissret l-importanza tas-sostenn finanazjarju mill-MCVS, u r-riżultati li qed jinkisbu permezz tiegħu u skemi oħra. “Dan il-proġett huwa eżempju ċar ta’ kif il-fondi mill-iskema VOPS qed jiġu investiti fl-inklużjoni u l-volontarjat f’pajjiżna. Permezz ta’ dan l-investiment, li għandu bħala l-għan prinċipali li jgħin il-voluntiera u l-komunità, qed nipprovdu opportunitajiet aħjar lil dawk li jixtiequ jikkontribwixxu fil-ħidma tar-riabilitazzjoni tal-fawna selvaġġa u l-edukazzjoni ambjentali. Permezz ta’ din il-vettura li ġiet mixtrija qegħdin nagħmlu l-volontarjat aktar aċċessibbli, speċjalment għall-voluntiera li ma għandhomx mezzi tat-trasport u li forsi kienu jsibuha diffiċli biex jaslu sal-post. L-iskema VOPS hija kruċjali biex nistgħu nkomplu ninkoraġġixxu l-parteċipazzjoni u nsaħħu s-settur tal-volontarjat f’pajjiżna”.
Min-naħa tiegħu, il-President ta’ Nature Trust Malta, Vincent Attard, qal, “Grazzi għas-sapport mill-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat, permezz tal-proġett bil-fondi VOPS, Nature Trust – FEE Malta issa qed tattira aktar voluntiera Maltin, iżda wkoll barranin permezz ta’ ERASMUS, li ma jkollhomx mezzi tat-trasport privat biex jkunu jistgħu jiġu fiċ-ċentru fuq bażi regolari”.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat, Mauro Pace Parascandalo, qal li dan huwa proġett ieħor tanġibbli fil-komunità ffinanzjat b’waħda mill-iskemi tal-Kunsill. Fondi li huma strumentali sabiex jiġu implimentati proġetti varjati mill-oqsma kollha tas-settur tal-volontarjat.
Aktar informazzjoni dwar din u inizjattivi oħra tal-Kunsill jistgħu jinkisbu minn maltacvs.org