Fl-2013, id-dejn bħala perċentwal tal-prodott gross domestiku kien kważi jlaħħaq is-70%. Illum ’il ġurnata, wara pandemija u gwerra fl-Ukrajna, dan il-Gvern irnexxielu jniżżlu għal 54% tal-prodott gross domestiku.
Dan qaluh il-Ministru Clyde Caruana u s-Segretarju Parlamentari Andy Ellul waqt konferenza tal-aħbarijiet fejn sostnew kif miżuri rivoluzzjnarji bħaċ-child care b’xejn li ssarraf fi frankar ta’ €5,000 lil kull familja, it-tapering tal-benefiċċji soċjali, l-in-work benefit u numru ta’ miżuri oħra li qed ikomplu jsaħħu lill-familji u l-ħaddiema f’pajjiżna.
Dwar is-suq tax-xogħol, il-Ministru Clyde Caruana saħaq kif “taħt amministrazzjoni tal-Partit Nazzjonalista, l-ammont ta’ nies jaħdmu f’pajjiżna kkumparat ma’ pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea kien fis-16 -il post u rata ta’ tkabbir ekonomiku li ma kinitx taqbeż it-2% fis-sena. B’diversi riformi li wettaq Gvern Laburista fl-aħħar snin, l-ekonomija ngħatat spinta kbira tant li r-rata ta’ tkabbir ekonomiku fis-sena telgħet għal 8% filwaqt li mis-16 -il post, Malta illum għandha l-5 l-ogħla rata ta’ nies mill-Unjoni Ewropea li jipparteċipaw fid-dinja tax-xogħol.”
Is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul sostna kif dan il-Gvern mhux biss irriforma l-pajjiż b’għajnuniet u benefiċċji iżda wkoll permezz ta’ titjib fid-drittijiet tal-ħaddiema. “Liġijiet bħal work life balance fejn tagħti 10 ijiem leave imħallas lill-missirijiet li jkollhom huma kruċjali biex insostnu l-ħaddiem kif ukoll introduċejna carers leave ta’ ħamest ijiem lil dawk in-nies li jridu jieħdu ħsieb il-qraba tagħhom kif ukoll leave ta’ 4 xhur liż-żewġ ġenituri. Inizjattivi li jissarrfu fi kwalita’ ta’ ħajja aħjar u bilanċ bejn il-ħajja privata u d-dinja tax-xogħol.”