Sunday, October 27, 2024

“Tkellmu u fittxu l-għajnuna għax m’intomx waħidkom” – il-Ministru Owen Bonnici

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Il-Ministru tal-Ugwaljanza, Riċerka u Innovazzjoni, Owen Bonnici, saħaq li l-vjolenza domestika m’għandhiex għalfejn tkun kundanna għal għomor il-vittmi u jisħaq fl-importanza li jsemmgħu leħinhom għax, “il-vuċi tiegħek tista’ tassew teħilsek u tgħinek tkisser dan iċ-ċiklu vizzjuż qabel issir iktar ħsara jew ikun tard wisq”. Il-Ministru Bonnici indirizza l-konferenza “16-il Jum ta’ Attiviżmu kontra l-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru” li hija inizjattiva globali mfassla biex tħeġġeġ individwi, komunitajiet u organizzazzjonijiet biex jindirizzaw l-inugwaljanzi bejn is-sessi u jieħdu azzjoni biex jipprevjenu l-vjolenza abbażi tal-ġeneru u dik domestika qabel ma tibda. 

“Din is-sena għażilna t-tema ‘Il-vuċi tiegħek tista’ teħilsek’. Dan għax huwa essenzjali li persuna tkun tista’ tonora r-realtà u l-esperjenzi tagħha u titkellem liberament biex ikollha relazzjonijiet b’saħħithom u ta’ rispett u tkun tista’ tieħu sehem sħiħ fis-soċjetà u fid-demokrazija u fil-ġlieda għad-drittijiet tal-bniedem,” beda l-Ministru Bonnici. 

Huwa qal li fl-eqlel tal-pandemija tal-Covid-19 kien hemm żieda qawwija fir-rapporti li saru dwar vjolenza domestika tant li kien hemm medja ta’ rapporti 142 fix-xahar. Quddiem din ir-realtà, “għamlitna aktar konxji tat-tbatija li jista jkun hemmm bejn l-erba’ ħitan tad-djar. Hemm bżonn li tingħaqad is-soċjetà kollha biex nuru li m’hemm ebda tolleranza għall-vjolenza domestika u dan għandna nagħmluh bil-fatti”. 

Problema li m’għandhiex teżisti f’soċjetà moderna…

L-għan tal-kampanja ta’ din is-sena huwa li jħeġġu lil dawk kollha li jsibu ruħhom f’relazzjonijiet abbużivi u vjolenti biex jitkellmu u jfittxu l-għajnuna għax mhumiex waħedhom. L-2021 timmarka t-30 anniversarju ta’ din il-kampanja globali tas-16-il Jum u hawnhekk il-Ministru Bonnici staqsa għala wara 30 sena ta’ kampanja, il-vjolenza domestika għadha kwistjoni daqshekk relevanti.

“Il-kruha tal-vjolenza domestika hija li tkun qiegħda tbati minn persuni li suppost iħobbuha” – Il-Ministru Owen Bonnici

“In-nisa fil-fatt ilhom jikkampanjaw u jiġġieldu għal ħafna iżjed minn 30 sena u madankollu llum qegħdin hawn u għadna nistaqsu kif għadna nesperjenzaw inugwaljanza bejn is-sessi? Għaliex il-vjolenza bbażata fuq is-sess għada problema f’soċjetà moderna bħal tagħna u forsi l-aktar importanti għaliex in-nisa għadhom jiffurmaw il-maġġoranza tal-vittmi tal-vjolenza domestika u l-vjolenza abbażi tal-ġeneru?” staqsa l-Ministru tal-Ugwaljanza.

Huwa qal li kulħadd jista’ jkun vittma tal-vjolenza domestika inkluż l-irġiel, iżda anke fil-każ ta’ vittmi irġiel, il-maġġoranza tal-awturi tal-vjolenza xorta huma rġiel. Għaldaqstant, jisħaq li bħala soċjetà għandna bżonn nagħtu ħarsa lejn ir-raġunijiet għalfejn u niffaċċjaw serjament din ir-realtà.

Jiddominaw “fdal ta’ mentalitajiet antiki”

“F’Malta ilna ħafna nedukaw u nisħqu fuq dan is-suġġett. Il-Kummissjoni dwar il-vjolenza domestika u l-vjolenza abbażi tal-ġeneru ilha tagħmel dan ix-xogħol anke fl-iskejjel ta’ Malta u Għawdex u qiegħda tkompli ssaħħu. Waqt li t-tagħlim u l-liġijiet qiegħdin hemm, għad hemm ukoll il-fdal ta’ mentalitajiet antiki, li għalkemm m’għadhomx jgħoddu llum il-ġurnata, xorta għadhom jiddominaw ħafna mħuħ u ħafna ħajjiet,” sostna l-Ministru Bonnic. 

Żied li dan anke meta qegħdin naraw nisa jirnexxu daqs l-irġiel f’kull qasam tal-ħajja, xorta għadek issib min jidhirlu li posthom id-dar, li t-trobbija tat-tfal għandha tkun f’idejn il-mara biss. “Wasal iż-żmien li nitgħallmu tassew xi tfisser l-ugwaljanza u nifhmu li mill-ugwaljanza ta’ veru se jiggwadanja kulħadd,” appella l-Ministru Bonnici. 

Huwa qal li t-tema ‘Il-vuċi tiegħek tista’ teħilsek’, fil-fehma tiegħu m’għandhiex tapplika biss għall-vittmi, iżda għandha tapplika wkoll għall-awturi għax ħafna drabi jħoss li l-irġiel, b’mod partikolari, ma tantx jużaw il-vuċi tagħhom biex jesprimu dak li jħossu. 

“Importanti li nifhmu li din mhix ġlieda tan-nisa, iżda hija ġlieda tas-soċjetà kollha kemm hi. Is-soċjetà kollha kemm hi trid tingħaqad biex tara li kulħadd ikollu vuċi u kulħadd ikun jista’ jesprimi ruħu b’mod ħieles u sigur, f’ambjent fejn kull vuċi għandha valur u kull esperjenza hija valida,” temm il-Ministru Bonnici. 

Din hija kampanja internazzjonali annwali li tibda fil-25 ta’ Novembru, il-Jum Internazzjonali għall-Eliminazzjoni tal-Vjolenza fuq in-Nisa, u tibqa’ għaddejja sal-10 ta’ Diċembru, Jum id-Drittijiet tal-Bniedem.

Sport