Tuesday, May 13, 2025

Tkompla x-xogħol biex il-Victoria Lines tkun trail għall-mixi aċċessibbli

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Ambjent Miriam Dalli flimkien ma’ Ambjent Malta, l-Għaqda Ramblers, u l-Kunsill Lokali tal-Għargħur żaru x-xogħol kbir ta’ restawr u titjib li għaddej bħalissa fuq il-Victoria Lines. Dan ix-xogħol ser iwassal sabiex din it-trail li tibda minn Fomm ir-Riħ u taqsam lil Malta sa Pembroke ssir l-ewwel trail nazzjonali.

“Ħafna nies diġà japprezzaw il-Victoria Lines u oħrajn semgħu bih dan il-post. Imma b’dan ix-xogħol qed noħolqu l-ewwel walking trail nazzjonali aċċessibbli. Din il-ħidma hija importanti għaliex tippermetti li l-ġenerazzjonijiet tal-lum u t’għada jgawdu l-wirt ambjentali u storiku ta’ pajjiżna. Għandna biex inkunu kburin li f’pajjiżna għandna attrazzjoni bħall-Victoria Lines li tiġi apprezzata minn bosta nies li jżuruha. Huwa importanti wkoll li nagħmlu l-aħjar użu minn dawn l-ispazji naturali u fuq kollox nieħdu ħsiebhom,” qalet il-Ministru Miriam Dalli.

Fl-2022, f’kollaborazzjoni bejn Ambjent Malta, l-Għaqda Ramblers u Friends of the Victoria Lines Trail, saru interventi mmirati sabiex jinfetħu partijiet mill-mogħdija u titjieb l-aċċessibilità tul ir-rotta tal-Victoria Lines. Dawn ix-xogħlijiet jinkludu tindif, installazzjoni ta’ signs, u tqegħid ta’ bankijiet għall-pikniks għall-kumdità tal-viżitaturi. Qed jitneħħew ukoll speċi aljeni invażivi biex tinżamm l-ekosistema lokali.

Josianne Muscat, Direttur fi ħdan Ambjent Malta qalet li “l-interventi jinkludu tindif ta’ skart li jkun mormi illegalment kif ukoll skart domestiku. Sar ukoll xogħol ta’ żbir sabiex it-trail tkun aktar aċċessibbli. Ġew installati wkoll diversi sinjali li jservu ta’ gwida. Nappellaw lin-nies sabiex jieħdu ħsieb dan l-ambjent.”

Qed isiru spezzjonijiet u interventi ta’ manutenzjoni kull ġimgħa biex din it-trail tinżamm mingħajr skart u perikli.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport