Friday, August 1, 2025

Tkompli d-diskussjoni miftuħa dwar il-midja soċjali: Il-ġenituri u n-nanniet jaqsmu l-esperjenzi u t-tħassib tagħhom

Aqra wkoll

Is-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi Rebecca Buttigieg indirizzat it-tieni diskussjoni pubblika dwar il-midja soċjali u l-effetti tagħha fis-soċjetà. Din id-darba, id-diskussjoni saret mal-ġenituri u man-nanniet – żewġ gruppi li qed jiffaċċjaw sfidi differenti iżda relatati mal-istess realtà diġitali li qed tevolvi b’pass mgħaġġel.

Il-parteċipanti qasmu l-esperjenzi u t-tħassib tagħhom dwar kif il-midja soċjali qed taffettwahom direttament, kif ukoll l-impatt tagħha fuq uliedhom u n-neputijiet tagħhom, li qed jikbru f’ambjent fejn il-preżenza diġitali hija kostanti u dominanti.

Din id-diskussjoni hija parti minn sensiela ta’ laqgħat li qed jiġu organizzati bħala tħejjija għal konferenza nazzjonali li se ssir f’Settembru li ġej. L-għan tal-konferenza hu li titfassal politika nazzjonali li tindirizza kemm l-użu pożittiv tal-midja soċjali kif ukoll il-mod kif ċerti atturi qed jużawha biex iqarrqu, jinfluwenzaw u jimmanipulaw, b’konsegwenzi serji fuq l-utenti u fuq l-istituzzjonijiet demokratiċi.

Is-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg saħqet li, “Qabel ma l-Gvern jimplimenta liġijiet ġodda, qed nisimgħu sabiex nifhmu aħjar x’inhuma t-tħassib u l-ħtiġijiet tas-soċjetà. Matul din id-diskussjoni tqajmu diversi temi importanti. Id-dinja li trabbejna fiha aħna hija ferm differenti minn dik li qed jaffaċċjaw iż-żgħażagħ tal-lum – u din ser tkompli tinbidel hekk kif it-teknoloġija tavvanza.”

Is-segretarju parlamentari żiedet tgħid li: “Il-midja soċjali għandha influwenza qawwija fuq kull aspett tal-ħajja tagħna. Bħala adulti, u wisq aktar bħala Gvern, irridu nħarsu ’l quddiem u nagħtu lill-ġenerazzjoni li jmiss l-għodda u l-informazzjoni kollha li teħtieġ biex tkun infurmata u sigura. Fl-istess ħin, irridu nipproteġuha mill-perikli li jeżistu fuq dawn il-pjattaformi.”

Fost il-preokkupazzjonijiet li tqajmu min-nanniet, kien hemm enfasi fuq id-differenza tal-età ma’ neputijiethom. Ħafna qalu li t-teknoloġija qed toħloq distakk emozzjonali u komunikattiv, u li spiss iħossuhom barra mill-kuntest tal-ħajja ta’ wlied uliedhom. Ħassew li qed jitilfu l-kapaċità li jifhmu jew isegwu x’qed jagħmlu n-neputijiet tagħhom online, u dan joħloq sens ta’ nuqqas ta’ kontroll u ansjetà.

Din id-diskussjoni tifforma wkoll parti mill-viżjoni aktar wiesgħa ta’ Viżjoni Malta 2050, li għandha l-għan li tfassal futur sostenibbli u inklussiv għall-pajjiż, fosthom fl-ambitu diġitali, soċjali u edukattiv. Il-perjodu ta’ konsultazzjoni dwar il-Viżjoni Malta 2050 għadu għaddej u se jibqa’ miftuħ sad-9 ta’ Settembru 2025 u wieħed jista’ jissottometti l-kummenti fuq is-sit envision2050.gov.mt.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport