Dalgħodu se tkun qed tkompli l-inkjesta pubblika dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
L-inkjesta hija mmexxija mill-Imħallef emeritus Michael Mallia, l-eks-Prim Imħallef Joseph Said Pullicino u l-Imħallef Abigail Lofaro.
Agħmel refresh tal-paġna biex tara l-aħħar aġġornamenti…
11.43: Wait itemm x-xhieda tiegħu.
11.33: L-Imħallef Said Pullicino tgħid li mil-lenti tagħhom, kulħadd kien qiegħed iwaħħal fi Projects Malta, meta din ir-remit tagħha ma kellhiex taħdem fuq dawn il-proġetti. “Kulħadd passing the buck around, u ħadd ma jieħu responsabbilità.”
11.28: Dwar jekk l-irregolaritajiet allegati ma’ Projects Malta, kellhomx rwol fid-deċiżjoni tiegħu li jitlaq, Wait jisħaq li ma kellhomx. “Il-pjan tiegħi kien li nerġa’ mmur lura fil-privat.”
11.25: Wait jikkonferma li Perit tħallas €700,000 biex jagħmel disinn ta’ lukanda u skola fuq is-sit tal-ITS, liema proġett eventwalment ma sarx.
11.23: Wait jibqa’ jsostni li l-għan ta’ Projects Malta li jkun hemm żieda ta’ trasparenza rnexxiet.
11.14: Wait jikkonferma li s-Segretarju Permanenti ta’ Konrad Mizzi attenda l-laqgħat, però Mizzi minnu nnifsu qatt ma attenda.
11.13: L-Imħallfin qegħdin jgħidu li ma jistgħux jifhmu kif il-Ministru Scicluna ma kienx jaf bil-proġetti li kienu qegħdin isiru fi ħdan Projects Malta, jekk il-laqgħat kienu jsiru fi ħdan il-Ministru tal-Finanzi.
11.07: Dwar il-proġett tal-ITS, jgħid li l-irwol ta’ Projects Malta kien li tmexxi l-proċess. “Ħafna żmien qabel, kien hemm diskors li l-ITS trid timxi, u bażikament dwar dan is-sit kien hemm miżura tal-baġit, li ġiet għandna biex nimmaniġġjaw l-proċess.”
11.05: Jgħid li proġetti oħrajn responsabbiltà ta’ Projects Malta kienu Trading Malta u Yachting Malta, joint-ventures bejn il-Gvern u s-settur privat. Proġetti infrastrutturali oħra kienu jinkludu l-ELC Consortium, kif ukoll lejn it-tindif tal-bajjiet, jew inkella l-iżvilupp ta’ proprjetajiet oħrajn, fosthom il-bini tax-Chalet.
11.03: Fir-rigward tal-kuntratt tal-konċessjoni tal-Isptarijiet, Wait jgħid li huma qatt ma kellhom kuntatt ma’ Vitals.
11.02: Iżid jisħaq li Projects Malta ma tissemma mkien fir-rapport tal-NAO fuq il-proġett tal-Electrogas.
11.01: Mistoqsi dwar ir-rwol tiegħu fi Projects Malta matul dawn iż-żminijiet, Wait jgħid li l-aspett ta’ diliġenza seħħet min-negotiating committee maħtur mill-Kumitat, u mhux mill-organizzazzjoni.
10.56: Jgħid li “l-irwol ta’ Projects Malta ma kienx li ninnegozjaw jew nagħmlu bids, aħna l-irwol tagħna kien li ngħinu fl-expertise tagħna, fosthom ta’ audit u teknika. Aħna nagħmlu l-procurement ta’ dawn is-servizzi neċessarji biex isir l-proċess ta’ ftehim bħal dan.”
10.53: Jgħid li l-Bord tad-Diretturi f’sena u nofs iltaqa’ għaxar darbiet.
10.52: Mistoqsi għal darb’oħra dwar ix-xhieda tal-Ministru Edward Scicluna fuq l-apparenti nuqqas ta’ trasparenza li kien hemm fi ħdan Projects Malta, Wait tenna li fil-bord ta’ Projects Malta kien hemm is-Segretarju Permanenti tal-Ministru tal-Finanzi. “Kull meta ntalbet informazzjoni, dejjem tajniha. Meta tintalab informazzjoni, kienet tingħata b’mod effikaċi wkoll.”
10.51: Jgħid li fil-kariga tiegħu fil-Water Services u Projects Malta, kellu kuntatt ma’ Konrad Mizzi, filwaqt li fil-Malta Enterprise kien jaħdem ma’ Chris Cardona. Mistoqsi dwar ir-relazzjoni bejn il-bord ta’ Projects Malta u persuni oħra, huwa saħaq li ma kienx hemm kuntatt bejnhom u bejn Keith Schembri u l-Prim Ministru Jospeh Muscat, filwaqt li mal-Ministru Konrad Mizzi, huwa saħaq li l-iktar kommunikazzjoni li kellhom kien mas-Segretarju Parlamentari.
10.49: Huwa jgħid li l-bord fih rappreżentanti tal-Industrija, u kollha potenzjalment għandhom kunflitt ta’ interess. Mistoqsi mill-Imħallef Lofaro, jisħaq li dan għandu l-aspett pożittiv u negattiv tiegħu. “L-importanti li jkunu trasparenti fl-operat kollu tiegħu.”
10.47: Huwa qal li ġieli kien akkużat b’kunflitt ta’ interess, però saħaq li fi proċessi dwar proġetti kbar kien jeżenta ruħu mill-bord meta tittieħed deċiżjoni dwarhom.
10.43: Jgħid li kien appuntat f’Mejju tal-2015 bħala Deputat Kap tal-Malta Enterprise, kif ukoll Kap Eżekuttiv tal-Water Services. Imbagħad kien appuntat Deputat Ċermen ta’ Projects Malta f’Mejju tal-2015. Jgħid li wara li telaq Said ingħata l-inkarigu ta’ Kap Eżekuttiv ta’ Projects Malta f’Novembru tal-2015, bl-inkarigu tiegħu jispiċċa f’Ġunju tal-2017.
10.39: Issa jitla’ jixhed William Wait, Ċerpersin ta’ Projects Malta.
10.37: Mistoqsi mill-Imħallfin, Said jgħid li huwa qatt ma kellu kommunikazzjoni ma’ Keith Schembri. Tiġi fi tmiemha x-xhieda ta’ Said.
10.23: Iżid jgħid li “Fil-privat kont immexxi kontroll minn A sa Z. Fil-pubbliku, ma kellix l-istess kontroll, u allura ma kontx kompletament komdu.”
10.19: Said iżid jgħid li “Kien hemm raġunijiet personali għaliex xtaqt nitlaq minn Projects Malta. Nemmen li l-proċess tal-Isptar kien mgħaġġel u kellu jiddewwem iktar. Ħassejtni li ma kellix nibqa hemmhekk.”
10.14: L-Imħallef Lofaro tistaqsi x’kienet ir-raġuni li rriżenja. Said jgħid li ried jibda karriera ġdida, u filfatt xħin irriżenja mir-rwol tiegħu fi Project Malta mar f’kumpanija oħra. Mistoqsi jekk irriżenjax minħabba biża’ li jiġi mċappas ma’ proġetti, huwa saħaq li le, u qal: “Le mhux għalhekk. Ħassejt li dak li kelli nagħmlu, għamiltu.”
10.12: Iżid jgħid li “Kumpaniji li ġew sub-contracted huma audit firms, kif ukoll ditti legali, stabbiliti. Dawn fuq il-proċess kif għandu jiżvolġi l-proċess tal-RFP tal-isptar, u kif għandhom jiġu mwaqqfin il-bordijiet fost oħrajn.”
10.10: Mistoqsi fuq ir-riżenja tiegħu mill-irwol tiegħu fi Projects Malta, Said jgħid li fost oħrajn, il-proġett tal-isptar “ġie subcontracted tramite direct orders lil diversi organizzazzjonijiet oħrajn. Jgħid li dawn ġew approvati mill-Ministru għall-Finanzi, bħal kull direct order.”
10.08: Comodini Cachia tgħid li fix-xhieda tal-Ministru Scicluna, huwa kien elenka li Projects Malta dejjem kienu jagħtuh keded fuq il-proġetti. Said jisħaq: “Is-Segretarju Permanenti tal-Ministru tal-Finanzi kien involut fil-bord. Ġieli bgħatt imejls li jagħtu iktar informazzjoni lis-Segretarju Pernanenti ta’ Ministri oħra biex dan isir.”
10.06: Jgħid li l-Bord ta’ Projects Malta qatt ma ddiskuta lil Electrogas, u qatt ma kien involut fid-drafting tar-rapport preliminari tiegħu.
10.05: Huwa saħaq li kien hemm element ta’ overlap fil-kariga tiegħu. “Irċevejna direzzjoni li l-RFP jrid jiġi ppubblikat, però kienet tqabbdet kumpanija legali diġà mill-Gvern biex jiffirma l-konċessjoni. Projects Malta ma kinitx involuta fid-drafting ta’ dan ir-rapport għal konċessjoni.”
10.04: L-Avukat Therese Cachia Comodini tistaqsi jekk il-proġett tal-konċessjoni tal-isptarijiet kinitx idea tal-Gvern, tramite l-Ministru Konrad Mizzi, u jekk dan imbagħad ingħaddiex lil Projects Malta. Said wieġeb fl-affirmattiv.
10.00: B’referenza għal-proġett tal-Electrogas, jgħid li huma ġew magħżula f’Novembru tal-2013. Said jisħaq li ma kien involut fl-ebda kariga f’dan il-proġett. Jgħid li l-istess ma kellu l-ebda involviment fil-każ ta’ Cafe Premier.
09.58: Proġetti li kienu qegħdin jissemmew kienu jinkludu l-embellishment tat-toroq, proġett ieħor fejn il-bajjeit pubbliċi jingħataw spinta flimkien ma’ koperazzjoni tal-privat.
09.45: Jibda jagħti x-xhieda tiegħu Adrian Said minn Projects Malta, assistit mill-avukati Dean Hili u Roberto Montalto. Jiġi mistoqsi dwar il-karriera tiegħu u dwar ħatriet politiċi. Jibda billi jagħti raġunijiet dwar x’wassluh biex jirriżenja minn Projects Malta.