Dalgħodu mistennija li tkompli l-inkjesta pubblika dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, bl-Assistent Kummissarju tal-Pulizija Ian Abdilla mistenni li jagħti x-xhieda tiegħu.
Agħmel refresh tal-paġna għall-aħħar aġġornamenti…
11.28: L-inkjesta pubblika tkompli tinstema’ b’bibien magħluqin.
11.27: Azzopardi jgħid li waħda mill-akbar stejjer ta’ Caruana Galizia fl-2017 kienet dwar kuntrabandi ta’ sigaretti li kienet tirrikjedi netwerk kriminali organizzata. Jgħid li ġurnalist f’pajjiżna ripetutament kienet issemmi ismijiet, b’wieħed minnhom kien siefer flimkien ma’ uffiċjal tat-taxxa. Jistaqsi kif il-pulizija setgħu jinjoraw dan. Abdilla jgħid li ma kienx injora, iżda li wieħed ikun jeħtieġ li joqgħod isegwi l-blog il-ħin kollu. Mistoqsi dwar jekk kienx irċieva struzzjonijiet biex iżomm għajnejh magħluqin dwar dan, Abdilla jgħid li assolutament li le.
11.25: Abdilla jżid jgħid li fl-2016 kellhom każijiet ferm akbar li ma kinux ħarġu fil-midja. Jagħmel referenza għal dawk li jinvolvu lil Portman Consultants li kienu għaddew kważi €520 miljun mill-Bank Pilatus. Jgħid li jkollhom kważi 100 każ kull tliet xhur.
11.23: Abdilla jgħid li għal snin twal ma kienx kuntent dwar ir-riżorsi disponibbli għall-Unità għal Reati Ekonomiċi.
11.17: Iżid jgħid li normalment meta jkun hemm xi ħaġa li fin-natura tagħha ma tkunx amministrattiva, l-awditur dejjem jirreferiha lill-Kummissarju tal-Pulizija. Jgħid li f’dan il-każ dan ma sarx. Jisħaq li fix-xogħol tiegħu ma jistax isegwi kull rapport.
11.16: Abdilla jgħid li normalment ir-rapport jispeċifika jekk il-pulizija kellhiex tieħu passi. Jgħid li ma jemminx li dan kien il-każ.
11.14: Azzopardi jagħmel l-aħħar mistoqsija lil Abdilla. Jirreferi għall-posts ta’ Caruana Galizia dwar ix-xiri tas-sit tal-ITS mill-Grupp DB, u anke referenzi li għamlet dwr attivitajiet ta’ kuntrabandu mis-sid tal-kumpanija. Abdilla jgħid li dwar il-Grupp DB qatt ma seta’ jaqbad art. Azzopardi jistaqsi jekk il-pulizija ħassitx il-ħtieġa li tinvestiga l-kontenut tar-rapport tal-Awwditur Ġenerali dwar il-ftehim ITS.
11.13: Abdilla jgħid li ma jafx kif Valletta kien jaf li Fenech ma kienx hemm meta mar biex jagħmillu mistoqsijiet.
11.12: Abdilla jgħid li qatt ma kien jaf lil Fenech b’mod personali. Jgħid li qatt ma kellmu jew bagħtlu messaġġi jew ċempillu.
11.10: Abdilla jgħid li Valletta kien ċempillu u kien qallu li Fenech ma kienx hemm. Qal li kien iddiskuta ż-żjara ma’ Vella bħala s-superjur dirett tiegħu. Abdilla jiġi mistoqsi dwar min ħa d-deċiżjoni biex ma jiġix interrogat Fenech fid-Depot. Abdilla jgħid li possibbilment id-deċiżjoni ttieħdet minn Valletta.
11.09: Jiġi mistoqsi mill-ġdid dwar iż-żjara f’Portomaso. Abdilla jgħid li seħħet il-Ħadd, jew żewġt Iħdud wara li rapport tat-Times żvela li 17 Black kienet ta’ Fenech.
11.08: Jiġi mistoqsi jekk kienx jifforma parti mit-task force li kienet qed tinvestiga l-omiċidju ta’ Caruana Galizia. Iwieġeb li iva iżda li kien involut b’mod attiv f’Awwissu li għadda fir-rigward tal-investigazzjoni ta’ ħasil ta’ flus li tikkonċerna lil Melvin Thuema. Jgħid li preċedentement għal dan, fl-investigazzjnijiet li wasslu għall-arresti tal-aħwa Degiorgio u Vince Muscat, l-Unità għal Reati Ekonomiċi ma kinitx involuta.
11.04: Abdilla jiġi mistoqsi dwar żjara ta’ Yorgen Fenech f’Portomaso mad-Deputat Kummissarju ta’ dak iż-żmien Silvio Valletta. Jiġi mistoqsi wkoll dwar meta sar jaf bl-involviment ta’ Fenech f’17 Black. Abdilla jgħid li sar jaf bl-involviment tiegħu fit-18 ta’ Marzu 2018.
11.00: Comodini Cachia tistaqsi jekk kienx talab lil banek korrispondenti Amerikani dwar it-transazzjonijiet. Abdilla jgħid li jrid iwieġeb fil-privat.
10.59: Comodini Cachia tistaqsi dwar 17 Black u Dubaj. Tistaqsi jekk l-informazzjoni tal-pulizija tindikax li t-transazzjonijiet kinux fil-biċċa l-kbira tagħhom dollari. Abdilla jwieġeb li iva. Comodini Cachia tistaqsi jekk dan jirrikjedix dejjem bank korrispondenti Amerikan. Abdilla jwieġeb iva.
10.56: Azzopardi jgħid li hawn diretturi tal-Bank Pilatus f’Malta. Jgħid li Caruana Galizia fid-19 ta’ April tal-2017 kienet irreferiet għal konnessoni bejn bint il-mexxej tal-Ażerbajġan Alijev, u Egrant iżda l-pulizija kienu stennew 24 siegħa biex jinvestigaw. jistaqsi għaliex dan. Abdilla jgħid li l-inkjesta Egrant involviet fost oħrajn l-ġbir ta’ rapporti tal-ġurnalisti dwar il-kwistjoni. Jgħid li ma rriżulta xejn li kien viċin din l-allegazzjoni. Jgħid li dak iż-żmien l-Ażerbajġan ma kellux FIAU funzjonali u l-pulizija ma sabet xejn mill-investigazzjonijiet tagħha.
10.49: Abdilla jgħid li l-awtoritajiet Amerikani ma kinux irrispondew għal ittra rogatorja u kienu taw ir-raġunijiet tagħhom. Madankollu jemfasizza li dan għandu jiġi diskuss b’bibien magħluqin.
10.48: Azzopardi jistaqsi jekk l-awtoritajiet Maltin kinux talbu għall-estradizzjoni ta’ Ali Sadr mill-Istati Uniti.
10.46: Azzopardi jistaqsi dwar il-filmat tas-CCTV tas-sid tal-Bank Pilatus jingħata karta u jpoġġiha fil-bagalja tiegħu. Abdilla jgħid li ma jiftakarx dan.
10.42: L-Imħallef Lofaro tistaqsi lil Abdilla għaliex ma kienx bagħat għal Keith Schembri u Konrad Mizzi. Abdilla jgħid lill-Imħallef li “ma tifhimx”, bl-Imħallef Lofaro tirrispondi li minkejja li ma tifhimx mhijiex injornata u mhuwiex se jgħallimha x-xhud.
10.40: Abdilla jgħid li l-pulizija hija marbuta minn proċeduri u protokolli. Jgħid li l-pulizija ma setgħetx taġixxi b’dan il-mod.
10.38: Azzopardi jistaqsi lil Abdilla jekk kienx konxju li ġurnalist u iben il-vittma kienu marru Dubaj u kisbu l-informazzjoni. “Għaliex il-pulizija Maltija ma tistax tagħmel dan?” huwa jkompli jistaqsi.
10.34: Abdilla jgħid li le, bl-investigazzjoni taqa’ parti mill-investigazzjoni 17 Black. Jgħid li kien hemm transazzjoni waħda li kienet tinvolvi lil Cifidex. Jgħid li r-rapport Cifidex fl-istat konklussiv tiegħu ma wasalx għand l-FIAU. Jgħid li għandhom biss kopja draft tar-rapport. Abdilla jgħid li mhuwiex kuntent b’rapporti fil-midja li jgħidu li Dubai kien ikkopera fl-investigazzjoni. Jgħid li dan mhuwiex minnu.
10.33: Azzopardi jistaqsi jekk il-pulizija kinitx bagħtet għal diretturi tal-enemalta dwar l-investigazzjoni Cifidex u l-proġett tal-wind far mfil-Montenegro.
10.28: L-Avukat Jason Azzopardi jistaqsi dwar kemm hemm spetturi fit-tim immexxi minn Abdilla. “Attwalment erbgħa,” jgħid Abdilla.
10.27: Abdilla jgħid li bir-regoli ta’ għoti ta’ informazzjoni, l-istruzzjonijiet li jagħti dwar il-każi tiegħu huma li sakemm ma jkunx hemm biżżejjed evidenza persuna ma tintalabx tippreżenta ruħha.
10.22: L-Imħallef Abigail Lofaro tistaqsi lil Abdilla jekk maġistrat kienx qallu biex ma jsejjaħx lil Keith Schembri. Abdilla jwieġeb li le.
10.19: Comodini Cachia tirrimarka li l-kompjuters tal-bank ġew sekwestrati wara li l-ewwel rapport. Abdilla jgħid li għall-ewwel jiġi assunt li l-bank kien jaħdem bi proċeduri ta’ due diligence normali. Jgħid li d-due diligence kienet tindika lil Keith Schembri. Jgħid li Schembri ġie mistoqsi aktar tard fl-inkjesta maġisterjali.
10.16: Abdilla jgħid li Michelle Muscat issemmiet l-ewwel dakinhar li l-istorja ta’ Egrant kienet ippubblikata fuq il-blog ta’ Caruana Galizia.
10.14: Abdilla jgħid li jrid jitkellem dwar l-investigazzjoni tal-Bank Pilatus u jagħti spjegazzjoni dettaljata dwar kif din saret. Iżid jgħid li fix-xhur li ġejjin jaf ikun hemm xi arresti b’rabta ma’ dan. Abdilla jgħid li kien juża l-blog ta’ Caruana Galizia bħala sors għall-investigazzjonijiet tiegħu. Jgħid li kien probabbli li kien irrefera għalih fl-investigazzjonijiet fil-konfront tal-bank.
10.04: Abdilla jgħid li kien jaf dwar l-ilment, iżda ma jiftakarx id-dettalji speċifiċi. L-Imħallef Mallia jirrimarka li dan kien ilment li sar minn bank. Abdilla jtenni li sakemm is-sitwazzjoni kibret, il-Bank Pilatus kien wieħed mill-banek li kienu jikkuntattjawh għal informazzjoni dwar investigazzjonijiet.
10.11: Comodini Cachia tgħid li l-allegazzjoniji kienet li Michelle Muscat, mart l-eks-Prim Ministru Joseph Muscat, kienet konnessa ma’ Egrant, kumpanija fil-Panama b’kont bankarju fil-Bank Pilatus. Abdilla jgħid li ma jiftakarx liema kienu d-dokumenti li ttieħdu mill-bank.
10.09: Abdilla jgħid li kien qed jinvestiga lill-eks-Kummissarju Ewropew John Dalli u l-eks-Chief of Staff keith Schembri, iżda li ma kienx għamel kuntatt magħhom dwar dan. jgħid li l-uniċi persuni li jiġu mgħarrfa dwar l-eżitu ta’ investigazzjoni huma l-FIAU.
10.03: Comodini Cachia tgħid li fl-2016 il-Bank Pilatus kien ħareġ stqarrija fejn qalet li kienet konxja minn miżapproprjazzjoni ta’ informazzjoni u fetħet ilment kriminali dwar dan il-ħruġ ta’ informazzjoni.
10.00: Abdilla jiġi mistoqsi dwar account holders fil-Bank Pilatus. Jgħid li kien konxju biss li Keith Schembri kien account holder fil-bank. Jisħaq li Konrad Mizzi, safejn jaf hu, ma kellux kont bankarju. Jgħid li ma ħadu l-ebda passi.
09.59: L-Avukat Therese Comodini Cachia, li qed tirrappreżenta lill-familja Caruana Galizia, tistaqsi jekk kellux rapporti dwar il-Bank Pilatus qabel dan. Abdilla jgħid li kienu qed jaħdmu fuq il-każ Egrant. Comodini Cachia tisħaq li r-rapporti dwar it-transazzjonijiet dubjużi seħħew f’Lulju tal-2016 u Novembru tal-2016.
09.57: Abdilla jiġi mistoqsi dwar l-għeluq tal-bank, u jgħid li dan ingħalaq fit-28 ta’ April tal-2017. Iżid jgħid li r-rapport tal-FIAU dwar il-bank wasal fil-15 ta’ Ottubru tal-2018.
09.52: Mallia jistaqsi lil Abdilla jekk jaħsibx li kien irresponsabbli li Sadr tħalla waħdu għal sigħat sħaħ minkejja s-suspetti li kien hemm. Abdilla jgħid li dan kien suġġett għal diskussjonijiet twal mal-Avukat Ġenerali dwar liema liġi l-pulizija setgħet tapplika biex twaqqad lil sid ta’ bank milli jġorr dokumenti.
09.50: Abdilla jiġi mistoqsi dwar l-operat tal-Bank Pilatus minkejja li s-sid deher jitlaq mill-uffiċini tal-Bank matul il-lejl, b’dan jiġi mxandar b’mod dirett minn ġurnalisti ta’ Net TV. Ali Sadr Hasheminejad, sid il-bank deher jitlaq b’bagalja. ABdilla jgħid li ma kienx konxju li dan kien ġie mxandar b’mod dirett. Jgħid li rċieva telefonata mill-Kummissarju tal-Pulizija biex imur id-Depot għall-ħabta tad-9.00 a.m. Ikompli jgħid li l-kwistjoni tal-bagalja kienet suġġetta għall-inkjesta Egrant. Qal li l-bank huwa mdawwar minn CCTV u li hemm filmati ininterrotti tal-mument meta Sadr jasal il-bank.
09.47: Mallia jistaqsi speċifikament dwar l-investigazzjonijiet fil-Panama Papers, il-Bank Pilatus, u l-proġett tal-Enemalta fil-Montenegro fost oħrajn.
09.44: L-eks-Imħallef Michael Mallia jistaqsi lil Abdilla dwar l-invstigazzjonijiet tiegħu dwar ħasil ta’ flus. Abdilla jgħid li hemm mijiet, mhux wieħed jew tnejn.