Wara li lbieraħ diversi sezzjonijiet tal-midja bdew jikkwotaw tħassib tal-ewwel każ ta’ monkeypox f’pajjiżna, l-istess sors ta’ din l-informazzjoni llum ħareġ jgħid li ma kienx il-każ. Dan hekk kif Gerald Fenech fl-aħħar ħin ikkonferma ma’ dawk li jsegwuh fuq il-paġna tiegħu li s-suspettat każ ta’ monkeypox kien fil-verità każ ta’ chickenpox.
Din mhix l-ewwel darba li ċertu kitbiet fuq l-istess paġna kienu segwiti minn furur ta’ kummenti. Dan hekk kif bosta jsostnu li dawn l-istess kitbiet iservu biex joħolqu allarm bla bżonn.
Intant aktar kmieni dagħlodu, it-Tabib u Deputat Laburista Malcolm Paul Agius Galea appella biex ma jkunx hawn allarm żejjed minkejja li dawk li jkollhom suspett ta’ sintomi għandhom jitolbu għal konferma medika u jevitaw milli jxerrdu l-marda.
Fl-aħħar jiem dan is-sit ikkonferma mal-awtoritajiet tas-saħħa Maltin li f’pajjiżna għad m’għandniex każi ta’ monkeybox reġistrati.
Fi tweġiba għall-mistoqsijiet ta’ dan is-sit l-Awtoritajiet tas-Saħħa kkonfermaw ukoll li qegħdin isegwu s-sitwazzjoni mill-qrib u avżaw lit-tobba biex jinnotifikaw lill-Awtoritajiet jekk ikun hemm każijiet suspettużi.