Tkompli l-konsultazzjoni pubblika dwar il-White Paper tal-Politika Agrikola Nazzjonali 2027–2037

Aqra wkoll

Il-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u l-Provvista tal-Ikel kompla bis-sessjonijiet ta’ konsultazzjoni pubblika dwar il-White Paper tal-Politika Agrikola Nazzjonali 2027–2037, bil-għan li jkompli jsaħħaħ id-djalogu mal-bdiewa, il-produtturi, l-organizzazzjonijiet fi ħdan is-settur u l-pubbliku dwar il-futur tal-agrikoltura f’Malta.

L-ewwel sessjoni saret fil-Kulleġġ San Injazju, l-Iskola Sekondarja tal-Ħandaq, filwaqt li t-tieni sessjoni saret fl-Experimental Farm fix-Xewkija, Għawdex. Iż-żewġ laqgħat kienu mmexxija mill-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u l-Provvista tal-Ikel Anton Refalo.

Waqt dawn is-sessjonijiet, il-parteċipanti kellhom l-opportunità jesprimu l-fehmiet u l-proposti tagħhom dwar il-White Paper, li se tkun il-bażi għall-Politika Agrikola Nazzjonali għall-perjodu 2027–2037.

Fl-indirizz tiegħu, il-Ministru Anton Refalo enfasizza li l-policy il-ġdida trid tkun mibnija fuq il-kontribut ta’ dawk li jaħdmu fis-settur kuljum. “Huwa permezz ta’ konsultazzjoni miftuħa li nistgħu nibnu politika agrikola li twieġeb għall-isfidi tal-lum u ta’ għada. Irridu niżguraw li l-bdiewa u dawk kollha involuti fis-settur ikollhom vuċi diretta fit-tfassil tal-politika li se tiggwida l-iżvilupp tal-agrikoltura Maltija għas-snin li ġejjin,” qal il-Ministru Refalo.

Il-Ministru spjega li l-White Paper tindirizza numru ta’ prijoritajiet strateġiċi fosthom il-protezzjoni tal-art agrikola, it-tiġdid ġenerazzjonali fis-settur, is-sostenibbiltà ambjentali, ir-reżiljenza għat-tibdil fil-klima, il-ġestjoni sostenibbli tal-ilma, l-innovazzjoni, il-kompetittività tas-suq u governanza aktar effettiva.

Matul iż-żewġ sessjonijiet saret diskussjoni kostruttiva fejn il-parteċipanti qasmu l-fehmiet tagħhom u ressqu diversi suġġerimenti li se jiġu kkunsidrati matul il-proċess tat-tfassil tal-politika finali.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport