Saturday, November 15, 2025

TKOMPLI TISSAĦĦAĦ IL-ĠUDIKATURA

Aqra wkoll

Huwa fatt li aktar ma jkun hemm ġudikanti, Imħallfin u Maġistrati, aktar jitħaffu l-proċessi tal-kawżi. Dan dejjem isir? Hawn Malta ilna snin twal b’kawżi pendenti li jmorru lura diversi snin. Tant kienet kbira din il-problema li l-Gvern Laburista qed jittanta jsolviha jew almenu jtaffiha kemm jista’, bil-ħatriet ta’ Maġistrati u Mħallfin ġodda. 

Fil-fatt, matul dawn l-aħħar snin, l-għadd ta’ ġudikanti żdied b’mod sostanzjali. Dan kollu rajnieh iwassal għal żvilupp importanti fis-sens li l-kawżi pendenti, kulma jmur, qegħdin jonqsu għas-sodisfazzjon ta’ min ikollu xi każ quddiem il-Qrati. 

Wieħed irid iżomm quddiem għajnejh li fil-Qrati hemm diversi branki li jridu jkunu mantnuti kontinwament għaliex jolqtu fil-laħam il-ħaj ta’ kull min ikun involut f’xi każ. Konxju ta’ dan il-Gvern ħabbar is-sejħa għal Imħallef u tliet maġistrati ġodda. Din issegwi wkoll il-ħatra ta’ żewġ Imħallfin u żewġ Maġistrati ġodda li saret fil-jiem li għaddew. 

Din hija konferma oħra tal-impenn tal-Gvern li jinvesti fl-akbar korp tal-ġudikatura fl-istorja ta’ pajjiżna. Bla dubju li dawn il-ħatriet fil-ġudikatura se jkunu qegħdin isaħħu r-riżorsi fil-Qrati u jkomplu jtejbu l-kredenzjali ta’ Malta fl-oqsma tas-saltna tad-dritt u l-governanza tajba. 

Naturalment, dawn il-ħatriet huma biss il-bidu. Fil-fatt, il-Gvern diġà ħabbar li se jkompli jinvesti fil-faċilitajiet tal-qrati u fit-teknoloġija biex jiżgura li l-ġustizzja ma tkunx biss indipendenti, iżda wkoll moderna u aċċessibbli. Din hija viżjoni li tħares lejn il-futur: sistema li taħdem għall-poplu, b’aktar trasparenza u effiċjenza.

Nittamaw ukoll li bil-ħatra ta’ aktar ġudikanti, il-poplu għandu jkun sodisfatt u jtejjeb il-fiduċja tiegħu f’dan it-tielet pilastru tad-demokrazija. Konvinti wkoll li l-Gvern se jkompli jaħdem biex itejjeb fejn jara l-ħtieġa ta’ dan. Fl-istess waqt dan il-ġurnal jawgura bis-sħiħ liż-żewġ Imħallfin ġodda – Dr Simone Grech u Dr Rachel Montebello u liż-żewġ Maġistrati ġodda – Dr Franco Agius u Dr Ingrid Bianco, għall-ħatra tagħhom.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport