Sunday, December 22, 2024

Tkompli tissaħħaħ ir-relazzjoni bejn il-Malta FA u r-Real Federacion Espanola de Futbol (RFEF)

Aqra wkoll

Il-Malta FA ffirmat Memorandum of Understanding mal-kontroparti Spanjola tagħha, ir-Real Federacion Espanola de Futbol (RFEF), li jippermetti liż-żewġ partijiet jaqsmu l-esperjenzi tagħhom f’oqsma differenti u b’hekk isaħħu r-relazzjonijiet tajbin li diġà jeżistu bejn iż-żewġ federazzjonijiet. 

Il-Federazzjoni Rjali Spanjola tal-Futbol u l-Malta FA, rappreżentati mill-presidenti u s-Segretarji Ġenerali rispettivi tagħhom, iffirmaw dan il-MoU nhar is-Sibt fi Frankfurt, qabel it-tlugħ tal-poloz għall-fażi ta’ kwalifikazzjoni għall-Kampjonat Ewropew 2024.

Il-president Bjorn Vassallo ddeskriva dan il-ftehim bħala turija ta’ fiduċja fil-ħidma li qed tagħmel il-Malta FA.

“Il-passi tagħna ’l quddiem u l-mod kif naħdmu qed jiġu nnutati minn oħrajn, inklużi federazzjonijiet ferm akbar bħal Spanja, li għandhom ħafna x’joffrulna u li minnu nistgħu nibbenefikaw. Min-naħa tagħna xorta se nikkontribwixxu billi nkunu dejjem miftuħa biex naqsmu l-esperjenza tagħna bħala plejer proattiv fil-futbol Ewropew.”

Luis Rubiales, president tal-RFEF, wiegħed li se jaħdem spalla ma’ spalla mal-president tal-Malta FA Bjorn Vassallo, biex jintensifika r-rabtiet bejn iż-żewġ assoċjazzjonijiet u jgħin b’kull mod possibbli għall-iżvilupp xieraq tal-futbol Malti. B’dan il-ftehim, se jitfittex benefiċċju reċiproku għaż-żewġ federazzjonijiet permezz tal-qsim ta’ prattiċi tajbin f’oqsma differenti.

L-ambitu tal-ftehim jinkludi opportunitajiet fl-oqsma tal-edukazzjoni tal-kowċis, seminars u konferenzi, u skambji fis-settur tar-refereeing. Il-ftehim ikopri wkoll l-iżvilupp tal-futbol tan-nisa, ix-xjenzi tal-isport, is-servizzi mediċi u oqsma oħra fosthom dawk legali, tal-marketing u komunikazzjoni.

Essenzjalment, dan huwa ftehim komplet ħafna li huwa l-qofol ta’ xhur ta’ ħidma miż-żewġ federazzjonijiet.

Ekonomija

Sport