Id-devastazzjoni li ħalliet warajha t-Tempesta Tropikali Ana kompliet issir iktar evidenti hekk kif fl-aħħar sigħat sar magħruf lu xejn inqas minn 70 persuna tilfu ħajjithom kawża ta’ din il-maltempata li laqtet in-Nofsinhar tal-Afrika.
Skont l-aħħar ċifri, il-Madagascar irreġistra minn tal-inqas 48 mewt filwaqt li 130,000 persuna oħra spiċċaw bla saqaf fuq rashom u kellhom jingħataw kenn f’xelters li twaqqfu apposta. Fil-Malawi, 11-il pesruna tilfu ħajjithom u parti kbira mill-pajjiż tinsab mingħajr provvista tal-elettriku filwaqt li ċertu żoni ġew dikjarati bħala żoni ta’ diżastru.
Intant ġewwa l-Mozambique kienu rreġistrati 18-il mewt iżda skont l-awtoritajiet din iċ-ċifra tista’ tkompli tiżdied minħabba li kien hemm xejn inqas minn 20,000 persuna li ġew affettwati minn din il-maltempata qalila. Ġewwa dan il-pajjiż Ana kissret xejn inqas minn 10,000 dar kif ukoll numru ta’ skejjel u sptarijiet. Dan apparti li l-provvista tal-elettriku ġarrbet ħsarat estensivi.
Wara li għaddiet din il-maltempata, għadd ta’ żoni fin-Nofsinhar tal-Afrika komplew jiġu milquta minn xita qalila u maltempati fejn f’ċertu żoni dan ikkawża għargħar.