Saturday, November 23, 2024

Tkompli tonqos ir-rata ta’ pożittivi f’Malta

Aqra wkoll

Data mill-European Centre for Disease Prevention and Control (ECDC) tindika li r-rata ta’ persuni pożittivi minn test għall-COVID-19 kompliet tonqos f’pajjiżna minn dik li kien hawn fit-tieni ġimgħa ta’ Awwissu. 

Analiżi li saret għal dan il-ġurnal tindika li kontra għal dak li qed isostnu xi wħud mhux veru li l-imxija tal-COVID-19 f’pajjiżna aċċellerat b’xi mod differenti minn dak ta’ pajjiżi Ewropej oħra.  

Fil-fatt f’kull ġimgħa mindu bdiet l-imxija f’pajjiżna jirriżulta li r-rata ta’ testijiet pożittivi kienet ferm anqas minn dik madwar l- UE. Dan kien veru fl-ewwel xhur tal-pandemija, u għadu veru issa. Il-ġimgħa li fiha Malta kellna l-ogħla rata ta’ pożittivi kienet dik li ntemmet fit-22 ta’ Marzu meta kienu ħarġu pożittivi kważi 5% ta’ dawk ittestjati. 

Fl-istess ġimgħa fl-Unjoni Ewropea kienu ħarġu pożittivi 10% ta’ dawk li ttestjaw, jew id-doppju ta’ Malta. Fit-tieni ġimgħa ta’ Awwissu meta r-rata ta’ pożittivi f’pajjiżna telgħet għal 2.4%, fl-Unjoni Ewropea r-rata kienet ta’ 3.2%. Fl-aktar ġimgħa riċenti li l-ECDC għandha data r-rata ta’ positivi f’pajjiżna kienet 1.6% mentri fl-UE r-rata kienet 3.4%, jew id-doppju ta’ Malta. Fl-aktar ġimgħa riċenti li l-ECDC ippublikat data fuqha jirriżulta li r-rata ta’ pożittivi f’pajjiżna hija fost l-anqas, tant li hija kważi sitt darbiet anqas dik fi Spanja, u erbgħa darbiet anqas mir-Rumanija. Filwaqt li r-rata ta’ pożittivi fl-Italja hija anqas minn Malta, wieħed irid jikkunsidra li t-Taljani qed jittestjaw erbgħa darbiet anqas minn pajjiżna. Dan mentri l-Portugal, li għandu rata ta’ pożittivi bħal Malta, qed jittestja terz l-ammont ta’ Malta. 

Sport