Friday, May 3, 2024

Tkompli x-xita ta’ riżenji mill-PN… jirriżenjaw Frank Psaila u Alessia Psaila Zammit

Aqra wkoll

Wara d-disfatta kbira li ġarrab fl-elezzjoni ġenerali li għaddiet meta tilef bi kważi 40,000 vot, il-Partit Nazzjonalista qed ikompli jiffaċċa problemi serji bit-tluq u r-riżenji ta’ nies validi li sa ftit jiem ilu kienu jimmilitaw fih.

Issa ġie zvelat li l-aħħar fost dawn ir-riżenji fil-PN kien hemm dik tal-Avukat Frank Psaila u martu l-Avukatessa Alessia Psaila Zammit.  

Alessia Psaila Zammit kienet kandidata nazzjonalista fuq is-sitt u s-seba’ distrett u kienet attiva wkoll bħala minority leader fil-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi. Għal xi żmien hi serviet ukoll bħala sindku tal-lokalità. 

Huwa mifhum li dan l-aħħar, Alessia Psaila Zammit bagħtet ittra lis-Segretarju Eżekuttiv tal-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi fejn għarfitu li hija rriżenjat mill-Partit Nazzjonalista u għalhekk mhux se tibqa’ tirrappreżenta lill-partit ta’ Bernard Grech fuq il-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi.

Frank Psaila kien f’isem il-Partit Nazzjonalista ikkontesta l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew tal-2019. Huwa ma kien ġie fit-tielet post wara Roberta Metsola u David Casa. Psaila ma hux wiċċ ġdid fil-media tal-PN tant li għal xi żmien kien Direttur Informazzjoni tal-PN u kien imexxi programmi ta’ diskussjoni fuq NET TV. Huwa wkoll kien jieħu sehem f’diskussjonijiet politiċi bħala rappreżentant tal-PN.

Ir-riżenja ta’ Frank Psaila u martu mill-PN li kienu magħrufa għall-appoġġ u l-lealta tagħhom lejn il-Partit issegwi dik tas-Sinjura Doris Borg li ħarġet fuq it-tieni distrett u li wara l-elezzjoni stqarret li d-dinjià tagħha ġiet ikkalpestata u mogħtija l-ġenb meta kandidata oħra ġiet preferuta fuqha.

B’dawn ir-riżenji kollha li qed jiffaċċa l-PN ħadd ma jista’ jemmen lil Bernard Grech meta jgħid li kemm ilu kap huwa l-PN ġie riġenerat u qed jiussaħħaħ.

Sport