Saturday, December 21, 2024

“Tkun fik… it-tifel kont se nieħdu l-futbol, iżda għażel l-go kart” – Didier Bugeja

Aqra wkoll

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-karozzi?

Fil-veritá għall-bidu kont inħobb il-futbol tant li kont nilagħbu. Iżda missieri kien dilettant kbir tal-karozzi u bdejt immur miegħu f’diversi avvenimenti li kienu jiġu organizzati f’Malta. U kienet xi ħaġa naturali li meta tfarfart, ridt nixtri l-karozza tiegħi meta għalaq it-18-il sena. Minn hemm qtajt il-futbol u bdejt nipprattika l-isport tal-karozzi u tista’ tgħid li xejn ma ddispjaċini mill-għażla li għamilt. Madankollu ma kontx nobsor li se jkolli dawn il-mumenti sbieħ fid-dinja tal-karozzi.

Kif tista’ tiddeskrivi l-esperjenza tiegħek fil-Hillclimb?

L-ewwelnett kienet prattikament ġlieda ma’ missieri li għall-bidu kien xi ftit xettiku fuq il-Hillclimb. Madankollu jien rajt ħabib tiegħi li saq hemmhekk u għalhekk iddeċidejt li nipprova jien ukoll. Niftakar li ħassejtni ferm komdu nikkompeti hemmhekk u saħansit-ra fl-ewwel sena li kkompetejt, irnexxieli nirbaħ. Kien hemm meta għamilt kuraġġ u ddeċidejt li nibqa’ għaddej.

X’kienu l-unuri li rbaħt kemm lokalment kif ukoll internazzjonalment?

F’Malta rbaħt kemm fil-group 2 class 3 kif ukoll f’dik tal-group 3 class 2, fejn saħansitra kelli ħames suċċessi fil-karriera tiegħi s’issa. Irbaħt ukoll fil-kategorija tal-front wheeldrive filwaqt li tliet snin ilu ħadt ukoll il-Masters barra minn xtutna li hi ekwivalenti għal-logħob olimpiku li jsir normalment. Spiċċajt ukoll it-tielet post f’Gubbio, Morano u Erice fi tmeim il-ġimgħa li għaddiet.

Tista’ tagħtina l-aħħar dettalji dwar l-aħħar esperjenza li kellek f’Gubbio?

Inqis l-esperjenza ta’ Gubbio bħala waħda ferm sabiħa għalkemm f’Morano mort aħjar tant li rbaħt darbtejn wara xulxin. Niftakar li tlajna erba’ sewwieqa Maltin hemmhekk u hi esperjenza mill-aqwa meta tiltaqa’ ma’ xufiera ta’ kalibru ferm għoli. Madankollu f’Gubbio kif għedtlek ftit qabel, ġejt l-ewwel fil-kategorija għal karozzi sa 1600cc. Dawn ma jkunux skont il-klassijiet iżda kollha f’daqqa.

Gubbio hija trakka li verament hi għal qalbi u kull meta mmur hemm verament inħossni kuntent. Tista’ tgħid li nitla’ kull sena. Issa bdejt immur ukoll f’Morano. Hawnhekk jgħodd ħafna l-ħin aktar milli tiġi l-ewwel, it-tieni jew it-tielet minħabba li trid tikkomparah mat-Taljani. 

Il-fatt li tkun qrib tagħhom hi xi ħaġa ferm prestiġjuża speċjalment meta tqis li mhux dejjem tkun familjari mat-triq. Madankollu hawnhekk importanti li jkollok tyres tajbin u li tissettja l-karozza għall-istrapazz kollu li tinvolvi din l-attivitá. 

Kif jirnexxielek tlaħħaq max-xogħol u mal-isport li tant tħobb?

Din hi daqsxejn ta’ problema minħabba li dejjem nispiċċa nitlewwem ma’ ħuti u missieri. Aħna bħala familja għandna l-fabbrika tal-laħam u għalhekk ix-xogħol huwa kontinwu. Madankollu b’xorti tajba, jirnexxielna nirranġaw u nqasmu l-ġranet ta’ xogħol ħalli ħadd ma jbati. 

X’tikkummenta dwar l-operat tal-Island Car Club?

L-Island Car Club hi l-assoċjazzjoni li torganizza l-avvenimenti tal-Hillclimb f’Malta. Dawn ilhom aktar minn 50 sena mwaqqfin u aħna nsuqu magħhom. Żgur li m’għandniex xi ngergru fuq l-operat tagħha għax torganizza ħafna attivitajiet interessanti. 

Kemm tgħinkom il-Federazzjoni tal-Motorsport f’pajjiżna?

Din il-federazzjoni tgħinna ħafna fil-limitazzjonijiet tagħha għax m’għandhiex flus biżżejjed biex topera kif tixtieq. Hija tipprovdi l-marshalling u tgħinna wkoll fil-liċenzji u tista’ tgħid li tagħmel xogħol siewi ħafna.

Taqbel li tinbena t-trakka tal-karozzi f’Malta?

Naqbel ma’ dan li għadek kemm għedt mija fil-mija. Bla dubju, jonqsu l-inċidenti fit-toroq. Nemmen li s-sewwieqa għandhom ikollhom post fejn jipprattikaw dak li verament iħobbu. Il-fatt li xi sewwieqa jridu jmorru Sqallija sabiex itellqu jew jitħarrġu tiswa ħafna flus u ċertament li jekk tinbena t-trakka, ikun qed igawdi kulħadd.

Kemm jinvolvi spejjeż il-motorsport?

Nista’ ngħidlek li jinvolvi ħafna spejjeż. Biss biss it-tyres li nikkompetu bihom fil-hillclimb jiswew €300  ‘l wieħed. Imbagħad għandek l-ispejjeż tal-Katamaran li ġieli jiti-lgħu mal-€400. U dan kollox minn butna. Sponsors mhux faċli ssib għalkemm il-fede-razzjoni tipprova ġġib xi fondi minn Sport Malta. Minkejja kollox, dawn il-fondi xorta waħda huma minimi u għalhekk ma tantx tkopri l-ispejjeż għalkemm dejjem aħjar minn xejn.

Taħseb li l-mezzi tax-xandir jagħtu biżżejjed prominenza lill-motorsport?

Le ma naħsibx li hemm biżżejjed. Hemm bżonn iktar. Naf li l-futbol huwa l-iktar sport segwit f’Malta iżda kif nafu l-motorsport qed iġib ħafna unuri lejn pajjiżna u għalhekk jistħoqqlu li jiġi segwit aktar.

Madankollu hemm ċerti mezzi tax-xandir li jirrikonoxxu x-xogħol u l-isforzi li nagħmlu aħna s-sewwieqa. Matul din il-ġimgħa kelli diversi talbiet għal intervista … u int wieħed minnhom.

X’taħseb li se jkun il-futur tiegħek f’dan l-isport?

Hemm diversi ħolm li nixtieq inwettaq fejn waħda minnhom hi li nikkompeti barra minn Malta. Fost l-oħrajn nixtieq insuq il-kampjonat Taljan kollu għalkemm mhux xi ħaġa faċli. Hemmhekk tiltaqa’ mal-krema tal-hillclimb u mingħajr ma trid iżżid il-livell tiegħek. Iżda l-problema hi li finanzjarjament mhijiex possibbli minħabba li tinvolvi ħafna spejjeż.

Bħalma int ġejt influwenzat minn missierek għall-karozzi, kif qed jirreaġixxu t-tfal tiegħek għall-isport li tipprattika int?

Biex ngħidlek kollox, it-tifel tiegħi talabni biex isuq il-go kart għax togħġbu ħafna. Jien xtaqt li nieħdu jilgħab il-futbol …  iżda jippreferi l-go karts. 

Naħseb li tkun ġo fik x’tagħżel eżatt u x’jogħġbok fil-ħajja. Min jaf forsi t-tifel joħroġ bħal missieru! Iż-żmien jagħtina parir!

Nixtieqek twassal l-aħħar messaġġ lit-tfal u ż-żgħażagħ li jixtiequ jipprattikaw l-Motorsport.

Jien inħeġġiġhom sabiex jippruvaw dan l-isport għax il-karozza hi invenzjoni tassew sabiħa. Meta int tipprattika sport … ikun x’ikun, tkun qed iżżomm ‘il bogħod minn ċerti vizzji.

Ekonomija

Sport