Sunday, December 22, 2024

Tlett irġiel arrestati b’rabta ma’ allegat serq ta’ cables

Aqra wkoll

Il-Pulizija qiegħda żżomm taħt arrest tlett irġiel, żewġ Maltin u Niġerjan, b’rabta ma’ allegat serq ta’ cables.

Kmieni dalgħodu, għall-ħabta tal-4:00 il-Pulizija ġiet mitluba tassisti f’mina taħt l-art qrib il-Ġnien tal-Argotti, il-Floriana, wara rapport li xi persuni kienu qegħdin iqaċċtu cables tal-fiber optic u tar-ram biex jisirquhom.

Minnufih bdiet tfittxija fl-akwati, fejn il-Pulizija innutaw persuna li kienet qiegħda ġġorr xi cables u malli ndunat bil-pulizija, ippruvat tistaħba. Il-Pulizija ordnat lil din il-persuna biex toħroġ minn fejn hi, fejn ġiet identifikata bħala raġel ta’ 39 sena residenti Wied il-Għajn u ġie arrestat.

Minħabba suspett li seta’ kien hemm iktar persuni involuti, il-pulizija kompliet bit-tfittxija fil-mini, liema tfittxija rriżultat fil-pożittiv. Mistoħbijin instabu żewġt irġiel oħra, wieħed ta’ 30 sena residenti ż-Żejtun u Niġerjan ta’ 35 sena, li mill-ewwel ġew arrestati.

It-tlett irġiel ittieħdu l-Għassa tal-Belt Valletta għal aktar stħarriġ. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.

Ekonomija

Sport