Il-Ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili f’Għawdex ilbieraħ mexxew żewġ operazzjonijiet ta’ salvataġġ hekk kif kellhom isalvaw 3 persuni minn għarqa ċerta minn bajjiet f’Għawdex.
L-ewwel sejħa daħlet għall-ħabta tas-6.30pm meta saret talba biex tiġi salvata persuna li sabet ruħha f’diffikutajiet waqt li kien qiegħed tgħum f’Għar Qawqla f’Marsalforn.
Il-Ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili rnexxielhom itellgħu lill-persuna ta’ nazzjonalità barranija fuq l-art fejn hemm sabet tim mediku biex jassisti. Hija ngħata l-ewwel għajnuna u wara ttieħded l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex għal aktar għajnuna.
Hekk kif intemmet din l-operazzjoni ta’ salvataġġ, daħlet sejħa oħra din id-darba fil-bajja tar-Ramla l-Ħamra. Jirriżulta li hemm kien hemm żewġ persuni li sabu ruħhom f’diffikultà. Kienu l-Ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili li wkoll salvaw lil dawn iż-żewġ persuni li wkoll huma ta’ nazzjonalità barranija.
Huma ttieħdu l-Isptar Ġenerali t’Għawdex għal aktar kura. Iktar tard, huma ġew iċċertifikati li qed isofru minn ġrieħi ħfief.